Sunday, November 24, 2024

AĠĠORNATA: Xi ħadd irraporta l-għassa taż-Żejtun b’mod anonimu … seta’ kien ilu diversi ġranet

Aqra wkoll

8:00 a.m: Il-Pulizija kompliet tixħet aktar dawl dwar is-sejba tal-katavru tal-bieraħ.

Fi stqarrija maħruġa minnha aktar kmieni dalgħodu, hija kkonfermat li kienu għall-ħabta tas-6:30 p.m meta l-Pulizija rċeviet rapport anomimu fl-Għassa taż-Żejtun li taħt siġra f’għalqa kien hemm katavru.

Mal-wasla tagħhom fil-post il-pulizija setgħu jikkonfermaw ir-rapport hekk kif lemħu katavru ta’ raġel fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni.

Minkejja li s’issa mhux magħruf kemm seta’ kien ilu hemm, jidher li mill-istat li nstab fih mhux eskluż li r-raġel kien ilu mejjet diversi jiem.

Minn dak li ħareġ ilbieraħ…

11:00 p.m: Il-katavru nstab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni

Kelliem għall-Pulizija minn fuq il-post ikkonferma ma’ talk.mt li l-katavru ma jistax jiġi identifikat għalissa minħabba l-istat qawwi ta’ dekompożizzjoni li nstab fih.

Għaldaqstant, filwaqt li t-tfittxijiet komplew fl-aħħar jiem u minħabba l-istat li nstab fih il-katavru, il-pulizija mhix teskludi li l-vittma huwa wieħed mill-persuni rrappurtati nieqsa minnha riċentament.

B’rabta ma’ din is-sejba infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

7:30 p.m: Mhux eskluż li l-katavru huwa ta’ wieħed miż-żewġt anzjani rrappurtati nieqsa

Il-Pulizija qed tinvestiga s-sejba ta’ katavru fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni f’għalqa li tinsab fi Triq Għar Dalam, f’Birżebbuġa. Il-katavru nstab għall-ħabta tas-6:30 p.m. u huwa ta’ raġel.

Minnufih intbagħtu fuq il-post bosta taqsimiet investigattivi tal-pulizija li bdew bl-investigazzjonijiet tagħhom dwar il-każ. Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu minħabba l-istat li fih instab il-katavru, se tkun l-awtopsja li tiddetermina l-identità tal-persuna mejta.

Fl-aħħar ġimgħat il-Pulizija kienet għaddejja bi tfittxija għal żewġ anzjani li ġew irrapportati nieqsa u minħabba numru ta’ raġunijiet mhux qiegħed ikun eskluż li l-katavru huwa ta’ wieħed minnhom.

Sport