Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Il-bidu tiegħi żgur ġej minn diversi oqsma – l-ambjent sportiv li sibt ruħi fih waqt il-kulleġġ f’De La Salle, fejn kont nattendi, u mir-relazzjoni sportiva u kompetittiva li kelli ma’ ħija l-kbir, Paul. Minn età żgħira kienu jeħduna l-Pixxina tal-Qroqq għall-għawm, kif ukoll jeħduna niġru fit-trakka tal-Marsa u ġewwa l-iskola wkoll. Minn hemm bdiet l-imħabba tiegħi lejn l-isport; l-għeruq tagħhom huma l-valuri, ir-rispett u l-impenn qalbieni f’dak li qed tagħmel.
X’kisbiet irnexxielek tikseb bħala sportiv?
Il-kisbiet jistgħu jitqiesu minn diversi angoli. Jiena m’iniex atleta full-time, iżda nitħarreġ sew għax l-isport hu parti kbira minni. Meta kont iżgħar, irbaħna l-Kampjonat ta’ Section C mal-klabb ta’ Zebbug Rangers ta’ taħt is-17-il sena. Kisba oħra huma d-diversi ġirjiet fejn irnexxieli nikseb personal best f’distanzi differenti. Lagħabt ukoll tennis mal-Universita ta Leeds Beckett fl-Ingilterra, u ħadt sehem f’tlielaq OCR (Obstacle Course Racing). Dawn kollha kienu sfidi fiżiċi u mentali, u għalija l-akbar kisba hija li tgħaddi minnhom, tegħlibhom u toħroġ b’saħħtek – dik hija rebħa tassew.
Kif tqis il-livell tal-isport f’Malta bħalissa?
Naħseb li l-livell ivarja skont id-dixxiplina. M’iniex biżżejjed infurmat biex nagħmel ċerta kummenti, imma wieħed jista’ jinnota titjib f’ċerti oqsma – bħal pereżempju l-isport tan-nisa. Qed naraw aktar suċċessi f’dixxiplini bħall-futbol, basketball, atletika u għawm, biex insemmi ftit. Anke jekk għad fadal xi sfidi bħal aċċess għal taħriġ u riżorsi, inħoss li l-għarfien u l-edukazzjoni fl-isport żdiedu – illum hawn iktar għarfien dwar l-injury prevention, nutrizzjoni, u aspetti oħra kruċjali.
U dwar ir-riżorsi fejn jitħarrġu l-isportivi?
Hemm investiment infrastrutturali f’ċerti dixxiplini, imma f’oħrajn għad fadal triq twila. In-nuqqas ta’ spazji miftuħa tagħmila diffiċli għal ħafna biex jipprattikaw isport b’mod regolari. Nara li aċċess għal spazzji sportivi bħal courts għal tennis, faċilitajiet għal ġiri jew trails publiċi jgħinu kieku. Naħseb li l-attitudni lejn karriera sportiva qed tinbidel – illum qed naraw iktar opportunitajiet li jgħaqqdu l-isport mal-edukazzjoni, u dik hija triq tajba ’l quddiem. Ir-riżorsi u l-kwalita tal-coaching inħoss li żdied ukoll.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-isport?
L-isport se jibqa’ parti minni, imma l-passjoni ewlieni tiegħi huwa fuq il-professjoni tiegħi bħala podjatra – professjonista tas-saħħa li jispeċjalizza fis-saħħa tas-sieq, li ovvjament għandha impatt dirett fuq il-bqija tal-ġisem. Waqt li kont Leeds Beckett University, ksibt MSc fi Sport and Exercise Medicine b’’distinction’. L-għarfien mediku tiegħi jgħinni ħafna biex nappoġġja lill-pazjenti tiegħi – speċjalment dawk sportivi – fil-proċess tal-fejqan. U fl-istess ħin, inżomm ruħi attiv fl-isport kważi kuljum.
X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil min jixtieq jagħmel karriera fl-Isports Medicine?
Agħmel dak li tagħmel b’imħabba, rispett u passjoni. Jien kont ixxurtjat li stajt ngħaqqad żewġ affarijiet għal qalbi – is-saħħa u l-isport. Xi kultant, trid teħodha b’kuraġġ u tipprova. Żbalja, tgħallem, erġa’ ipprova, ibdel, irrifletti. Il-vjaġġ u t-tragward tiegħek spiss mhux wieħed dritt – imma huwa dak li jagħmilha speċjali!
Nawguralkom mill-qalb!