Minn Cristian Muscat
Kif iltqajt mal-isport tal-badminton?
Minn eta’ żgħira kont nipparteċipa f’bosta attivitajiet sportivi extra-kurrikulari. Kont ukoll nattendi programmi varji li kienu organizzati minn SportMalta (dak iż-żmien KMS Skolasport). Kelli l-opportunitá li niskopri sports differenti, peró, kien il-badminton li kien laqatni l-iktar. Minn hemmhekk bdiet il-passjoni tiegħi lejn dan l-isport.
Ftit żmien wara, bdew iħajjruni bex nibda nattendi sessjonijiet ta’ taħriġ ma’ klabb lokali, u infatti fl-2015 ingħaqadt ma’ Paola Badminton Club. Fl-istess sena, ġejt magħżula biex nibda nitħarreġ mal-akkademja nazzjonali ta’ Badminton Malta.
X’jogħġbok l-iktar f’dan l-isport tista’ tgħid uniku?
Il-badminton jaffaxxinani minħabba l-fatt li huwa l-aktar sport veloċi fost l-isports kollu li jintlagħab bir-racket. Apparti minn hekk, hemm diversi tekniki meta tilgħab fuq il-court, u dawn ivarjaw bejn il-logħob tas-singles, doubles u mixed doubles. Wieħed jista’ japprezza l-fatt li dan l-isport jirrikjedi li l-plejer juża moħħu u jagħmel deċiżjonijiet tajbin bejn shot u ieħor, f’ħin pjuttost qasir.
X’tikkummenta fuq l-operat ta’ Badminton Malta?
Badminton Malta hija dejjem attiva sabiex ittejjeb kemm l-operat tagħha kif ukoll il-prestazzjoni tal-atleti. Din l-assoċjazzjoni qeda ukoll taħdem ħafna biex tkabbar il-popolarita’ ta’ dan l-isport fil-gżejjer Maltin. Biex tilħaq dan il-għan, Badminton Malta daħlet f’inizzjativa sabiex tippromwovi dan l-isport fl-iskejjel primarji u sekondarji ġewwa Malta.
Apparti minn hekk f’Novembru tal-2023, Badminton Malta organizzat l-ewwel edizzjoni tal-iSmall States of Europe Badminton Team Championships. Kien avveniment ta’ suċċess kbir fejn tmien pajjiżi żgħar mill-Ewropa, fosthom Malta, kellhom l-opportunita’ jikkompetu fl-ewwel team event internazzjonali f’Malta.
Għal dawn l-aħħar sentejn, Badminton Malta, irnexxielha wkoll tingaġġa kowċ nazzjonali full-time u flimkien ma’ dan żdiedu wkoll is-sessjonijiet tat-taħriġ. Illum il-ġurnata, Badminton Malta qed torganizza tmien sessjonijiet ta’ taħriġ matul il-ġimgħa għall-grupp tal-Elite tal-akkademja nazzjonali. B’kollox total ta’ 15-il siegħa taħriġ imxerrdin fuq ħamest ijiem.
Flimkien ma’ dan, permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ entitajiet sportivi nazzjonali, primarjament il-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta, Badminton Malta tgħin ukoll lill-atleti b’mod finanzjarju biex itaffi l-ispejjeż sabiex wieħed jipparteċipa f’tournaments u training camps barra minn Malta.
Semmili x’kienu l-kisbiet ewlenin tiegħek tul l-aħħar staġun kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna.
Riċentement, ġew organizzati l-Kampjonati Nazzjonali ta’ Malta tal-Badminton, fejn għall-ħames darba konsekuttiva rbaħt il-kategorija tal-Women’s singles u rbaħt ukoll il-kategorija tal-mixed doubles flimkien ma’ Sam Cassar għas-sitt darba.
Irnexxieli nikseb ukoll t-tieni post fil-kategorija tal-Women’s doubles flimkien ma’ oħti Martina Clark.
Matul l-istaġun 2023-2024 lgħabt ma’ klabb ġewwa d-Danimarka, fejn kelli l-opportunitá li nilgħab mal-klabb ta’ Badminton, Esbjerg, u nikkompeti fil-kampjonat Daniż. Minn dejjem kienet ħolma tiegħi li nibda nilgħab ma’ klabb barra minn Malta. Kienet esperjenza mill-isbaħ fejn kelli l-opportunitá niltaqa’ ma’ plejers ġodda, nagħmel ħbiberiji ġodda, kif ukoll nitħarreg f’livell għoli fil-badminton.
F’Diċembru li għaddha, ħadt sehem f’tournament ġewwa Brescia, fejn ksibt l-ewwel post fil-Mixed Doubles flimkien ma’ plejer Taljan, kif ukoll wasalt sas-semi finali fil-Women’s Singles. F’Jannar ħadt sehem ukoll f’tournament ġewwa Taranto fejn ksibt l-ewwel post fil-Women’s Singles u anke fil-Mixed Doubles.
Ftit tal-jiem oħra ser nibda esperjenza gdida fil-kampjonat Taljan fejn ser nilgħab ma’ klabb fis-Serie B.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?
Fil-futur nixtieq li nitħarreġ ġewwa l-Badminton Europe Centre of Excellence, li jipprovdi taħrig lill-aqwa plejers tal-Badminton fl-Ewropa. Nixtieq ukoll nipparteċipa fil-Kampjonati Ewropej, fil-Commonwealth u Mediterranean Games, u hija ħolma kbira minn tiegħi li nikkwalifika għall-Olimpjadi.
Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera f’dan l-isport tant sabiħ.
Jien nissuġġerilhom jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jilħqu l-miri ta’ ħajjithom. Ngħidlhom biex jaħdmu ħafna u ma jaqtgħux qalbhom filwaqt li tul il-perkors, japprezzaw dak kollu li jkun qed isir minn dawk kollha involuti fl-amministrazzjoni u l-kowċis u juru rispett lejhom!