Saturday, December 21, 2024

Agħti tama: Agħżel il-fostering

Aqra wkoll

Permezz tal-fostering, tfal li għal raġunijiet speċifiċi ma jistgħux jgħixu mal-familja bijoloġika tagħhom, qed jingħataw mhux biss imħabba, sigurtà u stabbiltà, iżda fuq kollox tama. Fil-fatt, tfajla li esperjenzat direttament dan sostniet li għaliha l-fostering ifisser familja li tatha ċans għal ħajja aħjar.

L-istorja tagħha hija waħda mill-ħafna stejjer ta’ suċċess li l-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) jkollha fir-rigward tal-fostering.

B’danakollu, id-domanda għall-fostering tibqa’ kontinwa u proprju għalhekk dan ix-xahar il-FSWS nediet kampanja biex tkompli tħeġġeġ aktar nies jersqu ‘l quddiem u jsiru foster carers. Bħala Fondazzjoni temmen ħafna li meta wieħed jagħmel hekk ikun tassew qed jagħti tama għall-ħajja aħjar u proprju dan huwa l-messaġġ ewlieni tal-kampanja ta’ din is-sena: Agħti tama, agħżel fostering.

Biex iwasslu dan il-messaġġ importanti, ħaddiema soċjali fi ħdan id-Direttorat tal-Kura Alternattiva, li jifforma parti mill-FSWS, iltaqgħu ma’ Amy, tfajla li għandha 14-il sena, biex jifhmu iktar dwar l-esperjenza pożittiva tagħha u kif din kienet tassew ta’ ġid għaliha.

Amy hija protetta b’Ordni ta’ Ħarsien. Dan wara li s-Servizz għall-Protezzjoni tal-minuri għamel l-investigazzjonijiet meħtieġa u nstab li l-ġenituri tal-minuri bdew isibuha diffiċli biex jieħdu ħsieb lil Amy u għalhekk kienet f’riskju. Hekk kif ħarġet l-Ordni ta’ Ħarsien, Amy marret tgħix ma’ foster carers approvati, Joanne u Kevin. Illum Amy ilha tgħix ma’ din l-istess familja għal disa’ snin, kuntenta ħafna u tqishom bħala l-familja tagħha.

Waqt li kienet qed tirrakkonta l-istorja tagħha lill-ħaddiema soċjali, it-tfajla kompliet tgħid li hija u tikber, il-foster carers tagħha tawha diversi opportunitajiet, kemm fl-iskola kif ukoll f’attivitajiet extra-kurrikulari, biex tkun tista’ ttejjeb il-ħiliet tagħha. It-tfajla tkellmet ukoll dwar il-fatt li bdiet tattendi l-grupp taż-żgħażagħ tal-lokalità u permezz t’hekk setgħet tissoċjalizza ma’ adoloxxenti tamparha.

“Il-foster carers huma nies li jagħtu kasi, jipproteġuni, jgħinuni u nikkunsidrahom ukoll bħala mudell għal ħajti,” qalet Amy, “Ninsab grata li l-foster carers tiegħi mhux biss iħobbuni, imma jafdawni, jemmnu fija u fil-potenzjal tiegħi.”

Mistoqsija dwar il-foster carers tagħha, Amy bdiet billi ddeskriviet lil Joanne bħala persuna li għenitha u qatt ma tieqaf milli tagħmel dan. Fi kliemha, Joanne mhux talli taqbeż għaliha meta jkun hemm bżonn, iżda anke meta kellha xi problemi jew xi diffikultajiet tassigura li tkun hemm għaliha biex tgħinha ħalli dawn eventwalment ma jibqgħux preżenti.

“Fuq kollox tagħmel dak li tista’ għalija,” qalet Amy, “Joanne kienet hemm għalija anke meta hi stess ma kinitx għaddejja minn żmien tajjeb.” Waqt li kienet qed titkellem dwar dan, l-espressjoni ta’ Amy indikat illi tinsab tassew grata ta’ dan.
Ma naqasx ukoll kliem ta’ tifħir dwar Kevin, fejn Amy qalet li huwa persuna li jgħinha u jiġġieled għad-drittijiet tagħha biex ikollha opportunitajiet daqs ħaddieħor.

Sostniet ukoll li Kevin jipprova jagħmilha kuntenta u li jagħmel mill-aħjar biex ikun ta’ sapport f’mumenti diffiċli. Apparti minn hekk hija esprimiet l-apprezzament tagħha meta Kevin mhux biss jistaqsi għall-opinjoni tagħha iżda wkoll meta jkun ta’ sapport għaliha f’sitwazzjonijiet diffiċli.

It-tfajla kompliet tgħid illi tinsab grata li l-foster carers ddeċiedew li jiffosterjaw tfal oħrajn li huma iżgħar minnha. Amy ammettiet li għandha relazzjoni tajba magħhom u li huma jippruvaw iferħuha. Fl-istess waqt semmiet li għalkemm jiġġieldu ħafna bejniethom, hija xorta tħobbhom ħafna. “Nixtieq li eventwalment jarawni bħala mudell u jkunu kburin bija,” qalet Amy.

Il-ħaddiema soċjali tkellmu flimkien ma’ Amy dwar l-element ta’ permanenza u hawnhekk hija wieġbet li din tatha s-serħan il-moħħ li kellha bżonn. B’emozzjoni ammettiet li ferħet meta saret taf li ħareġ id-digriet tal-permanenza mill-Qorti tal-Minorenni. Żiedet tgħid li t-tfal l-oħra ferħu magħha minkejja li kienu għadhom żgħar biex ikunu jistgħu jifhmu xi tfisser.

Amy qalet li għalkemm mal-foster carers tagħha mhux dejjem kien kollox ward u żahar, xorta ma tbiddel xejn mill-esperjenza tagħha. Temmet tgħid li l-għajnuna li tawha tul dawn is-snin kienet kbira ħafna li ma tistax titkejjel.

Amy ingħatat it-tama li tant kellha bżonn f’ħajjitha u bħalha hawn tfal oħrajn li qed jistennew li jingħataw tama, stabbiltà u ambjent san ta’ familja.

L-istorja tagħha turina kif il-fostering tassew qed jagħti opportunitajiet ġodda lil tfal li kienu jgħixu f’sitwazzjoni li setgħet kienet ta’ riskju għalihom jew, minħabba raġunijiet speċifiċi, ma jistgħux jgħixu mal-familja bioloġika tagħhom.

Għaldaqstant, il-fostering jagħtihom opportunità ta’ ambjent san u sigur fejn jistgħu jħejju t-triq futura tagħhom u anke jsaħħu r-relazzjoni mal-familja naturali tagħhom.

F’Malta bħalissa hawn 57 tifel u tifla li għandhom bżonn foster carers. Tixtieq inti wkoll tagħti tama lil dawn it-tfal? Issa huwa l-mument li tagħmel dan – Agħti Tama Agħżel fostering.

Kull min jagħmel xi ħaġa biex jgħin tifel jew tifla f’ħajjithom huwa eroj. Jekk tixtieq tkun taf aktar ċempel fuq 1778 jew żur il-paġna ta’ Facebook: Fostering Service Malta.

Ekonomija

Sport