Friday, May 23, 2025

Agħtu kollox, agħmlu l-almu tagħkom u żommu attitudni tajba – dik hi l-aktar karatteristika importanti fil-futbol – Malcolm Vella Vidal

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna. Kelli biss erba’ snin meta bdejt nitħarreġ fl-akkademja ta’ Luxol St Andrews. Minn dakinhar, il-futbol sar parti essenzjali minn ħajti. L-ambjent organizzat u l-impenn għall-iżvilupp tat-tfal li joffru Luxol St Andrews għenuni ħafna biex nikber mhux biss bħala plejer, iżda wkoll bħala persuna. Kienet esperjenza li ħalliet impatt kbir fuqi, u li għadha tkompli tispirani sal-lum. 


Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mellieħa SC.

L-esperjenza tiegħi ma’ Mellieħa SC kienet waħda pożittiva ħafna s’issa, speċjalment fl-ewwel staġun meta rbaħt il-premju ta’ l-aħjar plejer. F’dawn it-tliet snin li qattajt mal-klabb, inħoss li għamilt qabża bħala plejer, kemm teknikament kif ukoll mentalment. L-atmosfera professjonali li jsaltan il-klabb żgur kienet fattur ewlieni f’dan il-proċess ta’ titjib personali. Barra minn hekk, kien ta’ sodisfazzjon li nkun parti mill-iżvilupp u t-tkabbir li għaddej minnu l-klabb f’dawn l-aħħar snin.


X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

L-istaġun li għadda kien wieħed ta’ sfidi u, fil-verità, ta’ diżappunt. Il-klabb kellu għanijiet għoljin u l-istess jien, fuq livell personali. Sfortunatament, il-konsistenza kienet problema għalina u bdejna nsibu l-forma biss lejn l-aħħar tal-istaġun, meta kien tard wisq. Minkejja li ksibna xi momentum lejn it-tmiem, dan ma kienx biżżejjed biex nikkumpensaw għad-diżappunt fil-kampjonat permezz ta suċċess fl-Amateur League Cup.


Fuq livell personali, dan kien wieħed mill-aktar staġuni diffiċli fil-karriera tiegħi. Bdejt b’mod pożittiv, b’goal wara 30 minuta fl-ewwel partita tal-istaġun, iżda ma rnexxilix nibni fuq dan. Meta bdejt nerġa’ nsib il-forma, weġġajt irkoppti u kelli nieqaf għal tul ta żmien. Ir-riabilitazzjoni kienet iebsa u bdejt nikkontempla l-futur tiegħi fil-futbol. Minkejja dan, ir-ritorn tiegħi kien wieħed pożittiv, b’żewġ gowls u żewġ assists fl-aħħar erba’ logħbiet tal-istaġun. Il-futbol għandu mod uniku kif jiġbdek lura lejh.


Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Onestament, mhux dejjem inkun konxju mill-aħbarijiet kurrenti tal-futbol Malti, imma matul dawn it-tmien snin fil-livell tas-seniors innutajt li t-talent Malti, speċjalment fil-pożizzjonijiet ta’ quddiem, spiss jispiċċa jitbaxxa għall-diviżjonijiet aktar baxxi. Jien stess sibt diffiċli naċċetta li ninżel mill-Ewwel Diviżjoni għat-Tieni Diviżjoni, iżda llum dan sar  pass komuni ħafna, u dan hu ta’ dispjaċir għalija.


U dwar ir-riżorsi (grawnds) fejn tħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Fil-livell tat-Tieni Diviżjoni, ħafna mil-logħbiet tagħna jintlagħbu fil-grawnds tal-Luxol, Mosta, u Sirens. Il-kwalità tal-pitches tvarja u ħafna drabi d-dawl mhux l-aqwa. L-okkażjonjieti meta nilagħbu fis-Centenary Stadium tagħtina togħma ta’ x’inhu l-futbol fil-livelli għola, u tgħinna nimmotivaw ruħna – għax il-faċilitajiet hemm huma ferm aħjar mill-bqija.


Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Bħalissa, qed nikkunsidra jekk għandix inkompli niddedika ruħi għal dan l-isport, għax il-futbol jieħu ħafna ħin u dedikazzjoni. Jien persuna li nagħti l-100% f’kollox li nagħmel, u għalhekk qed insibha diffiċli nżomm dan il-livell ta’ impenn, speċjalment hekk kif ir-responsabbiltajiet barra l-futbol qed jiżdiedu maż-żmien. Madankollu, billi jien persuna mmexxija minn statistika u numri, il-fatt li qiegħed qrib il-mitt dehra jista’ jimbuttani nagħti sena jew tnejn oħra.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol

Agħmlu għall-ħbiberiji, l-esperjenzi u l-lezzjonijiet tal-ħajja li titgħallmu tul il-vjaġġ. Tħallux il-flus ikunu l-motivazzjoni ewlenija tagħkom, għax dan jista’ jnaqqas il-gost u l-passjoni. Agħtu kollox, agħmlu l-almu tagħkom u żommu attitudni tajba – dik hi l-aktar karatteristika importanti fil-futbol.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport