Saturday, December 21, 2024

“Agħtu prijorità lill-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u li jinsabu f’riskju li jisparixxu” – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

- Malta fost l-ospiti ta’ Laqgħa Għolja dwar il-klima f’UNGA 79

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, ingħaqad mal-President ta’ Cabo Verde, José Maria Neves, u l-Prim Ministri ta’ Tuvalu u Belize, Feleti Teo u John Briceño, sabiex flimkien jospitaw laqgħa għolja dwar il-mobilità klimatika.

Il-laqgħa, li fiha ħadu sehem mexxejja ewlenin t’aktar minn 17-il stat membru tan-Nazzjonijiet Magħquda, saret l-Erbgħa, bħala parti mid-79 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda (UNGA 79), li qed issir fi New York din il-ġimgħa. Il-laqgħa kienet ospitata wkoll minn Dennis Francis, il-President tat-78 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, u minn Global Centre for Climate Mobility.

Id-Deputat Prim Ministru Borg saħaq dwar il-konsegwenzi serji tal-mobilità klimatika fuq stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS) u li jinsabu f’riskju li jisparixxu taħt l-ilma minħabba li l-livell tal-baħar qiegħed dejjem jogħla. Appella għal soluzzjonijiet globali sabiex dawn il-gżejjer jiġu mħarsa.

“Li jkollok nazzjon li jisparixxi tfisser ferm aktar minn sempliċiment konsegwenzi legali u fiżiċi – għandha wkoll rabta mal-identità ta’ popolazzjonijiet sħaħ. L-identità tagħna hija dik li tiddefinixxina. Aħna marbutin ma’ art twelidna permezz ta’ rabtiet ta’ qraba u ħbieb, xogħol, tradizzjonijiet u memorji tal-għeżież li ħallewna.”

Id-Deputat Prim Ministru spjega li t-tibdil fil-klima huwa fattur b’tendenza li jimpatta u jimmultiplika sfidi oħrajn, bħall-faqar, in-nuqqas ta’ xogħol u tensjonijiet marbuta mal-iskarsezza tar-riżorsi. Dawn il-konsegwenzi, li jaffettwaw lil xulxin, joħolqu kunflitti u spostament ta’ persuni minn art għal oħra. Huwa għalhekk li hemm bżonn azzjonijiet u soluzzjonijiet konkreti.”

“Li nindirizzaw it-tibdil fil-klima bħala l-kawża ewlenija għall-ispustament tal-persuni hija kruċjali biex inwaqqfu dan iċ-ċiklu u naslu għal soluzzjonijiet dejjiema. Ma nistgħux naħlu aktar ħin,” ikkonkluda l-Ministru Borg.

Nhar l-Erbgħa, id-delegazzjoni Maltija f’UNGA 79 ħadet sehem ukoll f’laqgħa ta’ livell għoli oħra dwar kif qed jiġu indirizzati t-theddidiet eżistenzjali li qed toħloq iż-żieda fil-livell tal-baħar.

Id-Deputat Prim Ministru kellu wkoll diversi laqgħat fl-irwol tiegħu bħala ċ-Chairperson tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), fosthom laqgħa mat-Troika tal-OSCE u laqgħat mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ tliet stati parteċipanti tal-istess organizzazzjoni, jiġifieri l-Krgyzstan, ir-Russja u s-Serbja.

Ekonomija

Sport