Il-MPE Alex Agius Saliba se jkun inkarigat mill-Aġenda Diġitali tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Wara r-rekord ta’ kisbiet fil-Parlament Ewropew dwar files u kwistjonijiet diġitali ewlenin, il-MPE Laburista ġie fdat biex ikun il-Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi responsabbli għal wieħed mill-aktar portafolli importanti, dak tal-innovazzjoni, l-Intelliġenza Artifiċjali, u Ewropa diġitali b’saħħitha għal kulħadd.
Ftit wara li kkonferma l-irwol il-ġdid tiegħu, il-MPE Agius Saliba qal li ser ikun qed imexxi l-politika tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi favur Ewropa diġitali inklużiva ġdida li la tħalli lil ħadd jaqa’ lura u lanqas twassal għal ġirja lejn l-aktar livell baxx fir-rigward tal-istandards tax-xogħol u dawk soċjali. Fl-irwol tiegħu, Agius Saliba se jkun qed jinsisti għal kuntratt soċjali ġdid għall-era diġitali bi drittijiet diġitali definiti b’mod ċar li jipproteġu liċ-ċittadini tagħna u joffru opportunitajiet lil kulħadd.
“It-trasformazzjoni diġitali taffettwa kull aspett ta’ ħajjitna. Filwaqt li toffri ħafna opportunitajiet għal kwalità ta’ ħajja aħjar, innovazzjoni, tkabbir ekonomiku u sostenibbiltà, tippreżenta wkoll sfidi ġodda. Bħala Soċjalisti u Demokratiċi, jeħtieġ li niżguraw li dawn il-bidliet ikunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha u jirriflettu l-valuri fundamentali li ħafna drabi jitqiesu bħala fatt. Il-benefiċċji tar-rivoluzzjoni diġitali għandhom jinħassu madwar l-Ewropa, mhux biss minn dawk li jinsabu fil-quċċata tas-soċjetà.” qal Alex Agius Saliba.
Bħala parti mir-responsabbiltajiet u l-ħidma tiegħu, huwa se jkun qed jikkoordina strateġija diġitali trans-orizzontali dwar il-politiki diġitali għas-Soċjalisti u d-Demokratiċi f’Kumitati differenti fil-Parlament Ewropew. “Il-kwistjonijiet diġitali ta’ spiss huma mifruxa f’diversi proposti, riżoluzzjonijiet, u atti leġiżlattivi li jaqgħu taħt kompetenzi differenti u kumitati interni u esterni. Approċċ orizzontali fil-portafolli differenti kollha se jgħin lill-Grupp sabiex jagħti spinta lir-rwol tiegħu bħala pijunier għall-politiki soċjalisti u progressivi fl-era diġitali l-ġdida.” ikkonferma l-MPE Agius Saliba.
Huwa spjega kif il-Grupp se jkompli jaħdem bis-sħiħ lejn il-viżjoni tiegħu li joħloq Unjoni Diġitali sħiħa u ambjent diġitali fejn l-Ewropa tista’ tmexxi d-dinja, fejn in-negozji jistgħu joperaw b’mod transfruntier, u fejn id-drittijiet tal-konsumaturi, tal-impjegati u taċ-ċittadini huma protetti. Aktar minn hekk, Agius Saliba qal li l-Aġenda Diġitali Ewropea għandu jkollha dimensjoni soċjali li tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tat-trasformazzjoni diġitali, u li l-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi ser jiżgura li din id-dimensjoni soċjali ma titwarrabx f’din it-tranżizzjoni.
Bħala parti mill-portafoll tiegħu, il-MPE Agius Saliba ġie fdat ukoll bil-koordinazzjoni tal-politiki relatati mal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali.