Sunday, December 22, 2024

Aħdmu sabiex l-aspettativi tagħkom isiru r-realtá tagħkom – Matthew Scerri (Starlites BC)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

L-imħabba tiegħi lejn dan l-isport bdiet ta’ età zgħira ħafna – kelli madwar ħames snin. Dak iż-żmien, kelli żewġ kuġini tiegħi kienu diġa jilgħabu dan l-isport, sewwasew mat-tim ta’ Starlites. B’hekk, kont tlabt lill-ġenituri tiegħi jibdew jibgħatuni nitħarreġ mal-klabb. Ta’ età żgħira kont ukoll nipprattika l-futbol peró imbagħad, għall-età ta’ 11-il sena, kelli nagħżel biex inżomm sport wieħed. Meta rajt li kont qed nipprometti sew fil-basketball, iddeċidejt li nibqa nitħarreġ f’dan l-isport – deċiżjoni li sa llum għadni kburi biha. Iktar ma tibda tikber u tipprogressa, l-impenn u dedikazzjoni li jkun hemm bżonn biex tlaħħaq ma’ kollox dejjem jiżdied, peró bis-sagriffiċji li tagħmel, tinduna kemm verament tkun sirt tħobb il-basketball iktar minn sempliċiment passatemp.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek ma’ Starlites sa issa, hekk kif għadek kemm ġeddidt il-kuntratt tiegħek magħhom?

F’dan l-istadju tal-karriera tiegħi, ninsab kuntent ferm mal-klabb. Matul l-iżvilupp tal-karriera tiegħi, dejjem rajt li l-klabb kellu aspirazzjonijiet li jkompli jikber u jikseb iktar unuri. Hawn plejers dedikati immens lejn l-isport, mhux fil-kategorija tal-Ewwel Diviżjoni, imma anke f’kategoriji t’etaijiet iżgħar. Hija ħaġa ta’ sodisfazzjon kbir li tara livell ta’ dedikazzjoni fejn il-plejers jiftehmu bejniethom biex imorru jitħarrġu kmieni filgħodu qabel ix-xogħol jew l-iskola, ma jfallux sessjonijiet tat-taħriġ bla bżonn, u jagħmlu dak kollhu meħtieg biex fl-aħħar tal-istaġun joħorġu rebbieħa. Il-fatt li f’din il-fażi tal-karriera tiegħi qed nikkompeti f’kulturá ta’ dan it-tip tkompli timmotivani biex kull staġun inkompli nagħti l-massimu tiegħi biex flimkien bħala skwadra, dejjem ikollna staġun aqwa minn ta’ qablu.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-istaġun li ġej?

L-istaġun li ġej għandu jkun wieħed interessanti ferm għall-klabb ta’ Starlites, mhux biss għall-membri tal-iskwadra tal-ewwel diviżjoni, imma għas-segwaċi kollha tal-klabb ukoll. Wara 30 sena mill-aħħar darba li saret, se nkunu qed nipparteċipaw f’kompetizzjoni fuq livell Ewropej lejn l-aħħar ta’ Settembru, preċiżament fl-24 u is-27 ġurnata tax-xahar. Wara li kellna staġun ta’ suċċess storiku is-sena li għaddiet, meta irbaħna kull kompetizzjoni lokali fil-basketball Malti, din l-isfida ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni ta’ dan il-livell se tkun opportunita’ oħra fejn nistgħu nuru dak li ilna snin twal nibnu flimkien. Naturalment, tkun esperjenza indeskrivibbli jekk jirnexxielna ngħaddu mil-fażijiet ta’ kwalifikazzjoni għall-fażijiet tal-gruppi u għalhekk kulħadd jinsab lest biex jagħti l-għalmu tiegħu sabiex din issir realta’. Apparti minn hekk, ma jonqosx ukoll li aspettattiva oħra tat-tim hija li nirreplikaw is-suċċessi li kellna l-istaġun li għadda u niktbu isimna fl-istorja tal-basketball lokali. Naturalment din is-sena hemm diversi skwadri li fis-suq tat-transferimenti rajnihom jissaħħew u għalhekk, ninsabu ħerqana u lesti għall-isfidi l-ġodda li dan l-istaġun ħa jġib miegħu.

Kif tqis il-livell tal-basketball lokali fil-preżent?

Nemmen li fil-preżent, il-basketball Malti qed ikompli jikber bilmod il-mod. Fis-snin riċenti, rajna ħafna ħidma fejn jidħlu courts għat-taħriġ ġodda, kif ukoll irranġar tal-padiljun lokali li ra folol memorabbli fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ftit iktar minn sena ilu. Nieħu gost nara li hawn plejers, speċjalment ta’ eta’ tenera, li huma dedikati lejn l-isport u sikwit issibhom jitħarrġu ma sħabhom jew anke waħedhom f’kull ħin tal-ġurnata. Naħseb li din l-attitudni għanda tibqa tiġi immotivata kemm mill-klabbs u kemm mill-assoċċjazzjoni ħalli nkomplu naraw żvilupp pożittiv fl-atleti tagħna. Naturalment, hemm lok fejn il-basketball lokali jkompli jitjieb u jittieħdu inizzjattivi ġodda, bħal m’huma iktar opportunitajiet internazzjonali kemm għall-klabbs u kemm għall-iskwadri tan-nazzjonal, kif ukoll nimmottivaw iktar atleti biex jingħaqdu f’ dan l-isport billi l-basketball jiġi mgħallem f’postijiet bħal m’huma l-iskejjel.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-basketball.

Messaġġ għall-atleti preżenti u futuri ta’ dan l-isport għandu ċertament ikun biex qatt ma tħallu lil ħadd jgħidilkom u jikkonvinċikom li ma tistawx tilħqu l-aspettativi li jkollkom. Bħal kull sport ieħor, dejjem ħa jkun hemm ostakli differenti matul il-karriera tiegħek – sew jekk huma injuries li jżommuk wieqaf għal tul sinjifikanti ta’ żmien, u sew jekk humiex fatturi li qegħdin jiddimotivawk milli tkompli ssir l-aħjar atleta li tista tkun. Huma dawn l-ostakli li m’għandhomx iwaqqfukom milli toħolmu f’aspettativi ġodda u taħdmu sabiex dawn l-aspettativi ma jibqgħux biss ħolm imma jsiru r-realtá tagħkom!

Ekonomija

Sport