Saturday, December 21, 2024

“Aħjar minn sentenza tal-Qorti ma jistax ikollok”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-eks Ministru tal-Intern, Manuel Mallia, jaqbel mas-sentenza mogħtija mill-Qorti dwar il-promozzjonijiet fl-Armata… l-allegazzjonijiet tal-Oppożizzjoni sfumaw fix-xejn

Miktub minn CARMEN CACHIA

F’sentenza tal-Qorti mogħtija din il-ġimgħa, l-Imħallef Mark Chetcuti ma laqax it-talba tal-Logutenent Kurunell Andrew Mallia li fetaħ kawża kostituzzjonali minħabba li ngħataw promozzjonijiet fl-Armata lill-membri oħra li kienu inqas anzjani minnu. Il-kawża saret fil-konfront tal-Kap Kmandant tal-Forzi Armati u tal-eks Ministru, Manuel Mallia li dak iż-żmien kien jokkupa l-kariga ta’ Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. L-eks Ministru Mallia f’kumment li ta lil inewsmalta qal li huwa jaqbel perfettament ma’ din is-sentenza u li l-kritika li kienet tagħmel l-Oppozizzjoni bbażata fuq dawn l-allegazzjonijiet, illum il-ġurnata sfumaw fix-xejn. 

“Naqbel perfettament ma’ din is-sentenza. Din hija sentenza elaborata u studjata ħafna minn Imħallef rispettat, li llum huwa Prim Imħallef. Din is-sentenza hija ta’ valur kbir għax effettivament turi li l-attakki unitli li kienu jsiru u forsi għadhom isiru mill-Oppożizzjoni kontra tiegħi, peress li jiena dak iż-żmien kont il-Ministru responsabbli għall-Intern, huma kollha fierħa,” sostna Mallia. 

Huwa qal li din is-sentenza, fil-fatt, iġġib fix-xejn l-allegazzjonijiet kollha li kienu jsiru partikolarment mill-kelliema tal-Oppożizzjoni li kienu dejjem jirritjenu li l-pożizzjonijiet li kont għamilt jien fis-27 ta’ Settembru 2018 għal grad ta’ Kulunelli, kienu illegali u diskriminatorji.

“Jien xehedt f’din is-sentenza u fil-fatt spjegajt lill-Qorti li għar-rigward ta’ promozzjonijiet sal-grad ta’ Maġġur, dawn kienu jsiru skont in-numru ta’ snin li membru jkun għamel fi grad partikolari. Dan jiġifieri jridu jsiru ċertu ammont ta’ snin fir-rank qabel ma’ wieħed jista’ jitla’ tarġa,” kompla l-eks Ministru tal-Intern. Huwa spjega lill-Qorti wkoll li mbagħad, il-promozzjonijiet minn grad ta’ Maġġur għal Logutenent Kulunell, kien hemm sistema fejn kumitat tal-Forzi Armati stess kien jirrakomanda lill-Ministru min għandu jiġi promoss.

Fil-Qorti ntqal ukoll li din il-ligi minn dejjem kienet hemm u dan mhux biss waqt amministrazzjoni Laburista, imma anke qabel taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti. “Din tgħid li l-promozzjonijiet minn Kulunell sa Brigadier huma għażla tal-Ministru,” spjega Manuel Mallia.

Huwa qal li waħda mill-kritika li kienet issir mill-Oppożizzjoni u ma kinitx milquta minn din id-deċiżjoni tal-Qorti, kienet il-kwistjoni ta’ anzjanità. L-eks Ministru Mallia spjega lill-Qorti u din qablet miegħu, li anzjanità tfisser kemm ilek isservi fl-armata u mhux kemm ilek isservi fi grad partikolari.

“Il-Qorti abbraċċat dak li qiegħed ngħid u hemm spjegat fis-sentenza għala ċaħdet l-ilment. Jiena kont spjegajt lill-Qorti li bħala Ministru kont ġejt infurmat mill-Armata li kien hemm seba’ vakanzi għal Kulunell u kienu kollha għal branki partikolari. Jiena spjegajt lill-Qorti u wrejt bid-dettalji, kif jiena eżaminajt il-kwalifiki tal-persuni u għażilt lill-persuni li huma l-aktar idonei għal vakanza partikolari. Meta jien ħarist lejn il-branka tal-amministrazzjoni, kelli nara mhux biss l-anzjanità, iżda anke l-kapaċitajiet tal-persuni li għażilt u kien hemm ukoll in-neċessità tat-taħriġ għal dawn il-pożizzjonijiet,” spjega Mallia. 

Il-Qorti qablet miegħu meta qalet li wieħed mill-kriterji huwa “għażla għall-vaganza”. Huwa qal li, allura, l-għażla tiegħek trid tkun immirata għal dawk il-vakanzi li fil-fatt għandek. 

L-eks Ministru Mallia qal li meta wieħed jara s-sentenza, jara li l-Qorti daħlet profondament f’din is-sentenza ta’ 32 faċċata biex tara li meta huwa wasal għal dawk id-deċiżjonijiet, dawn kienu deċiżjonijiet immirati għal għażla f’taqsimiet u branki partikolari. 

Huwa temm billi kkwota testwalment kliem il-Qorti fejn ikkonkludiet li, “dan l-ilment m’għandux mis-sewwa u għandu jiġi micħud” u saħaq din is-sentenza ġabet fix-xejn il-kritika u l-allegazzjonijiet mill-Oppożizzjoni fil-konfront tiegħu. 

Ekonomija

Sport