“Il-General Workers’ Union tħares b’mod pożittiv it-tnedija ta’ din il-konsultazzjoni u aħna favur bis-sħiħ li jissaħħaħ il-qafas ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata ta’ Malta. Huwa inkoraġġanti li tara dawn il-kwistjonijiet jitqiegħdu fuq l-aġenda nazzjonali. Madankollu, ir-riformi jridu jkunu sinifikanti u mfassla skont il-pressjonijiet tal-ħajja reali li jiffaċċjaw il-familji li jaħdmu. Qegħdin naraw numru dejjem jikber ta’ impjegati li jħossuhom eżawriti, bla saħħa u burned out minħabba l-intensità tax-xogħol u d-disponibbiltà kostanti. Għalhekk, kwalunkwe bidla f’dan il-qasam trid tindirizza mhux biss il-bżonnijiet tal-familja, iżda wkoll il-benesseri usa’ tal-ħaddiema”.
Qal dan lil dan is-sit is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja fejn saħaq fl-importanza li ssir distinzjoni ċara bejn il-leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri minn naħa waħda u arranġamenti ta’ xogħol remot jew flessibbli min-naħa l-oħra. Spjega li dawn huma għodod tal-politika kumplementari, iżda fundamentalment differenti.
Il-leave tal-ġenituri: Drittijiet ewlenin tax-xogħol
Bugeja elabora li, “il-leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri huma drittijiet ewlenin tax-xogħol. Huma dwar il-protezzjoni soċjali fi stadji kritiċi tal-ħajja u jridu jiġu kkumpensati b’mod adegwat mingħajr telf ta’ paga biex ikunu tassew aċċessibbli. Dritt legali li huwa mħallas ħażin jirriskja li jsir teoretiku aktar milli prattiku”.
Żied li, “il-leave tal-ġenituri, b’mod partikolari, jeħtieġ appoġġ finanzjarju aktar b’saħħtu biex il-familji jkunu jistgħu jaffordjaw li jużawh. Jekk il-livelli ta’ ħlas jibqgħu baxxi (fil-livell tal-benefiċċju tal-mard), il-ġenituri se jkomplu joqogħdu lura milli jieħdu l-leave. It-tisħiħ tal-leave tal-paternità itwal u l-iżgurar ta’ salvagwardji xierqa ta’ reintegrazzjoni huma wkoll essenzjali biex jipprevjenu penalitajiet fit-tul fil-karriera għall-ġenituri”.
Qafas legali għax-xogħol remot u arranġamenti ta’ flessibbiltà
Semma’ kif ix-xogħol remot u l-arranġamenti flessibbli jindirizzaw dimensjoni differenti iżda daqstant importanti: kif ix-xogħol huwa organizzat fuq bażi ta’ kuljum. Fakkar kif il-pandemija wriet li f’ħafna setturi, mudelli hybird u remoti jistgħu joperaw b’mod effettiv.
“L-isfida issa hija li jiġi stabbilit qafas legali ċar li jipprovdi lill-ħaddiema dritt sinifikanti li jitolbu flessibbiltà, soġġett għal kriterji oġġettivi u trasparenti. Dan m’għandux jitħalla purament fid-diskrezzjoni ta’ min iħaddem,” kompla s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Ir-right to disconnect…
Huwa qal li fl-istess ħin, il-flessibbiltà m’għandhiex tittraduċi ruħha f’disponibbiltà permanenti. Insista li ż-żieda fl-eżawriment u l-għeja mentali turi li l-konfini bejn ix-xogħol u l-ħajja privata qegħdin isiru dejjem aktar imċajpra.
Enfasizza li, “għal din ir-raġuni, ir-right to disconnect irid ikun inkorporat bħala salvagwardja konkreta u infurzabbli. Il-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jaqtgħu mix-xogħol barra l-ħinijiet tax-xogħol mingħajr biża’ ta’ riperkussjonijiet. Mingħajr din il-protezzjoni, ix-xogħol remot jista’ jintensifika aktar milli jtaffi, il-pressjoni”.
Min-naħa tiegħu jemmen li din il-konsultazzjoni tippreżenta opportunità reali biex niddiskutu u nimmodernizzaw il-qafas leġiżlattiv tagħna. “Irridu nindirizzaw din ir-riforma b’ambizzjoni u viżjoni ċara għall-futur. Malta hija kapaċi li twassal żewġ riżultati komplementari: drittijiet għal-leave aktar b’saħħithom u ffinanzjati kif suppost li jipproteġu ġenwinament lill-familji matul l-aktar mumenti importanti ta’ ħajjithom, flimkien ma’ regoli moderni ta’ organizzazzjoni tax-xogħol li jindirizzaw l-eżawriment u jirrestawraw bilanċ tajjeb bejn il-ħajja professjonali u privata.
“Jekk nagħmlu dan sew, il-benefiċċji se jestendu ferm lil hinn mill-ħaddiema individwali, se nkunu qegdin nibnu suq tax-xogħol aktar reżiljenti, produttiv u sostenibbli fit-tul,” temm Josef Bugeja.



