Wednesday, November 5, 2025

“Aħna forza tal-progress, ma nistgħu nieqfu qatt” – il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Prim Ministru rrimarka li dan il-Gvern ressaq l-aqwa budget fl-istorja ta’ pajjiżna. Qal li l-qofol tal-budget huwa li jibni fuq il-ħafna tajjeb li diġà sar sabiex ikomplu jżidu r-ritmu tal-kisbiet b’saħħithom li għad iridu jġibu għal pajjiżna.

Dr Abela qal li mhux se jaċċetta diskors ta’ min jgħid li l-ekonomija għandha tikkalma, li kibret biżżejjed jew iżżejjed jew li wasal iż-żmien li nagħfsu l-pause button. “Aħna forza tal-progress, ma nistgħu nieqfu qatt. Dak huwa Gvern Laburista. Garanzija li mmorru dejjem ’il quddiem u qatt lura.”

“Erġajna żidna ċ-children’s allowance, żidna l-pensjonijiet u l-istipendji, pajjiżna għandu l-aktar rata ta’ nies jaħdmu fl-istorja, l-akbar numru ta’ negozji u dan għadu biss il-bidu. Kemm fadlilna rekords x’niksru,” sostna l-Prim Ministru.

Huwa qal ukoll li estendew il-miżura ta’ gym membership b’xejn liż-żgħażagħ u se tkun qed tingħata għotja ta’ €1,500 lill-ġenituri li wliedhom ikomplu jistudjaw. Qal li mingħand dan il-Gvern wieħed għandu jistenna tax cuts, waħda wara l-oħra, flimkien ma’ aktar proġetti ambjentali. Dan filwaqt li mill-2013 ’il quddiem żammew il-prezzijiet tad-dawl u l-fjuwils stabbli u hekk se jibqa’ jsir. 

Il-Prim Ministru tenna li din is-sena se tinżel fl-istorja ta’ pajjiżna bħala dik is-sena li fiha l-qgħad f’pajjiżna laħaq rekord baxx storiku. Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, għandna l-inqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa.

Huwa nnota wkoll li Malta hija l-għażla tal-investituri tant li stħarriġ tal-EY sab li 79% tal-investituri barranin jqisu lil pajjiżna bħala attraenti għall-investiment. U l-klima pożittiva ta’ pajjiżna għall-investiment hi l-aqwa li qatt kienet fl-aħħar 10 snin. 

“L-istrateġija ekonomika tagħna ġabet stabbiltà. Raġuni ewlenija għalfejn in-negozji u l-familji baqgħu għaddejjin b’mod sod ’il quddiem kienet li fl-agħar sfidi pproteġejniehom. Għamilna dak li ebda pajjiż ieħor ma kien kapaċi jwettaq,” kompla jgħid il-Prim Ministru. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport