Tuesday, January 27, 2026

Aħna, għalina…

minn Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Pruvajt indur naqra l-kotba tal-Istorja biex nara kemm-il darba jekk kien hemm pajjiżi barranin qabżu għalina biex il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin titjieb u ssir aħjar għall-ispejjeż tagħhom. Ma nafx intom bħala għeżież qarrejja għandkomx xi rakkont fejn xi pajjiż fid-dinja bagħat huwa biex lill-poplu Malti ġablu ħajtu aħjar u ’l quddiem. Anzi, sibt li l-mod kif tmexxi l-politika huwa li kull mexxej l-ewwel jara x’jaqbel lil pajjiżu, jagħmel dak li jkun tajjeb għall-poplu tiegħu imbagħad iħares dak li jkun fadal għal popli oħrajn.

Lanqas il-poplu Ingliż li konna ilna nservuhom bħala kolonja mill-1814 sal-1964 qatt ma għamel xejn biex imexxi l-poplu Malti ’l quddiem għall-iskop tiegħu. Anzi, meta ġejn biex nieħdu l-Indipendenza ta’ vera u l-Perit Mintoff beda jagħmel in-negozjati ma’ Lord Carrington li kien is-Segretarju tad-Difiża tal-Gvern Ingliż.

Carrington kien il-Leader tal-Konservattivi Ingliżi bejn l-1964 u l-1970 u taħt il-Prim Ministru Ingliż Edward Heath ingħata dan l-inkarigu importanti għall-Kuruna. Carrington f’intervista esklussiva li kien ta kien qal ċar u tond li l-iktar negozjati iebsa li qatt kellu fil-karriera tiegħu, kemm allura bħala Kap tal-Oppożizzjoni tar-Renju Unit, kif ukoll Segretarju tad-Difiża fil-Gvern ta’ Heath, kienu mal-Perit Mintoff. Mintoff ma kien qed jagħmel xejn għalih personali imma kif iddeskrivieh Carrington stess, Mintoff kien patrijott kbir u kull ma ried huwa pakkett tajjeb għal Malta u Għawdex li permezz tiegħu kien ikun bidu b’saħħtu biex jaqleb l-ekonomija ta’ Malta minn waħda tiddependi mill-għajnuna diretta tal-Gvern Ingliż bħala bażi militari tal-barrani għall-ekonomija li tiddependi biss fuq il-ħidma u x-xogħol li noffru aħna bħala poplu. Kemm permezz tas-servizzi li noffru kif ukoll permezz tal-industrija mħallta tagħna. Bejn dik turistika, tal-manifattura u servizzi oħrajn li Malta riedet tibda tagħmel.

Firma li kienet se tnaqqas il-cake nazzjonali

Malta kien ikkalkulat li sejra titlef mal-40 miljun lira Ingliża diretti lejn l-ekonomija tagħha u allura bil-firma li għandna nkunu ħielsa u bla ebda Ingliż ieħor jikkmanda lil Maltin f’Malta din kienet sejra tnaqqas il-cake nazzjonali b’dan l-ammont kbir ta’ miljuni. Barra minnhekk hekk kif l-Ingliżi kienu sejrin jgħidulna saħħa u jitilqu ’l barra kien hemm mas-7,500 persuna li kienu sejrin jitilfu x-xogħol tagħhom minn mal-kolonja u jmorru jirreġistraw għax-xogħol.

Diversi gvernijiet kienu qegħdin jgħidu li wara l-15 ta’ Awwissu 1979 Malta ma kienx se jkollha flus biex tħallas il-pagi tal-ħaddiema tagħha. Madankollu, il-Perit Mintoff u l-Gvern Laburista ma qatax qalbu u ħa d-deċiżjonijiet li jaqblu għall-poplu tagħna, għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Li kien għal diversi Ingliżi, Malta kellha tibqa’ kolonja għax kien iebes immens biex tieħu ħelsien sħiħ u tmexxi lilha nnifisha b’raġha f’idejha. Imma l-kobor tal-Partit Laburista bit-tmexxija tal-Perit Mintoff dawn il-problemi studjahom sew u ħadem bis-sħiħ biex il-poplu kollu jegħlibhom.

Il-PN u t-tmexxija barranija

Diversi drabi l-Partit Nazzjonalista prova jdgħajjef il-qalb tal-Maltin u jgħidilna niddeċiedu affarijiet għax aħna bħallikieku m’aħniex kapaċi mmexxu lil dan il-pajjiż waħedna. Qisu għan-Nazzjonalisti jrid ikun il-barrani li jiddeċiedi għalina dak li jaqbel lilna. Għadni niftakar sew kif kienu mexxew il-kampanja biex Malta tidħol membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea. Għadni niftakar sew lill-Professur De Marco jgħid li Malta sejra tibda tirċievi 100 miljun u bl-impressjoni li jekk nidħlu fl-Unjoni Ewropea l-problemi finanzjarji sejrin jispiċċaw. 

Meta jien kont membru parlamentari waħda mill-mistoqsijiet li kont għamilt kienet kemm qiegħda tagħti Malta flus lill-Unjoni Ewropea bħala kontribuzzjonijiet, taxxi u kull forma ta’ flus mill-ekonomija Maltija qed imorru lejn l-Unjoni Ewropea u kemm qed nirċievu flus mill-Unjoni Ewropea bħala pajjiż. Dawk il-miljuni kollha li kienu jsemmu qabel ma dħalna membri kienu sparixxew u konna qed nieħdu biss xi wieħed punt ħamsa miljuni għall-favur tagħna.

Il-problemi tagħna nsolvuhom aħna

Dħalna fl-Ewropa u l-problemi tagħna ekonomiċi, soċjali u edukattivi aħna ridna nsolvuhom. Kellna Amministrazzjoni Gonzi li kellha rekord ta’ tmint elef persuna bla xogħol, id-dejn nazzjonali kien rekord u konna bil-kemm naqilgħu biż-żejjed flus bħala pajjiż biex 1) inħallsu l-imgħaxijiet tad-dejn li kellna u 2) nagħmlu proġetti ġodda nazzjonali. 

Għalhekk kellna skejjel li kien ilhom snin ma jieħdu naqra manutenzjoni, għalhekk kellna lista li ma tispiċċa qatt ta’ pinni out of stock, għalhekk il-pensjonijiet tal-anzjani tagħna kienu ffriżati, għalhekk kellna infrastruttura ta’ toroq li kienu jaraw wiċċ ġdid meta kien ikun ġej xi Papa jew xi Reġina. U n-Nazzjonalisti kienu fil-Gvern meta Malta kienet fl-Unjoni Ewropea u ħadd ma ġie jsolvilna l-problemi ekonomiċi u soċjali tagħna.

Kellhom ikunu l-mexxejja Maltin Laburisti li b’imħabba kbira lejn Malta u Għawdex u lejn il-poplu tagħhom ħadu deċiżjonijiet kbar biex illum qegħdin ngħixu ta’ sinjuri żgħar. U qatt daqs illum ma konna qed ngħixu daqshekk tajjeb u komdi.

Ma kien l-ebda barrani li ħa dawn id-deċiżjonijiet biex illum għandna waħda mill-aqwa ekonomiji fl-Ewropa li qiegħda tħalli l-flus fil-bwiet tal-poplu, ħadmet lil kulħadd u ħolqot xogħol għal barranin. Kienu l-mexxejja tagħna li wieħed wara l-ieħor mexxew lil Għawdex u lil Malta fi żminijiet fejn riedu jieħdu d-deċiżjonijiet kruċjali… mal-poplu jew le. 

Gvern Laburista mal-poplu

Il-mexxej Laburista kull darba li kellu jwieġeb din il-mistoqsija dejjem kellu direzzjoni waħda, aħna mal-poplu. Mal-poplu bis-serjetà imma mhux ngħid li jien mal-poplu biex nidher tajjeb għal ftit mumenti imbagħad indawwar kollox. Dejjem kien mal-poplu, dejjem kien fuq in-naħa tal-poplu u l-Gvern jaqla’ d-daqqiet biex il-poplu jkun jista’ jibqa’ jgawdi ħajtu mingħajr ħafna tbatija żejda li jikkawżaw ħafna minn dawn iċ-ċirkostanzi.

Għalhekk meta issa niġu mħajta biex immorru niżżlu l-vot ma nagħtux kas biss minn min jitħaq l-iktar quddiem il-kamera u minn min joqgħod jiċċaqlaq ’il hemm u ’l hawn u jgħidilna “teżor kif inti” imma nħarsu minn għand min għandu l-iktar esperjenza, maturità, lealtà u mħabba lejn Malta u lejn il-Partit biex jippreżentana. Il-politika mhux logħba u d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu ħafna drabi jkollhom konsegwenzi kbar fuqna lkoll.

Sliem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport