F’diskors li għamel f’attività politika fil-Birgu, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela tkellem dwar miżura oħra li se tkun qiegħda tiġi implimentata, dik li minn għada, il-first time buyers se jkunu jistgħu japplikaw biex ikunu intitolati għal għotja ta’ €1,000 kull sena għal 10 snin.
Dr Abela sostna li lanqas għaddiet sena minn meta tnediet il-kampanja elettorali u dan il-Gvern kompla jżomm kelmtu mal-poplu Għawdxi u Malti. “Irridu li bħala Gvern li għandu tant għal qalbu l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u r-ruħ soċjali, inkunu flimkien maż-żgħażagħ f’mument fejn qed iwettqu l-ħolma tagħhom,” qal il-Prim Ministru.
Huwa rrefera għal aktar miżuri intiżi li jgħinu aktar persuni jsiru sidien ta’ darhom. Semma l-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll u benefiċċji oħra lil min jixtri proprjetà f’żona ta’ konservazzjoni urbana (UCA) fost oħrajn.
Il-Prim Ministru ġab eżempju tas-sostenn li se jkun qed jingħata. Koppja li t-tnejn huma first time buyers u ħadu deċiżjoni minn Jannar 2022 ‘il quddiem li jixtru proprjetà li tinsab fil-qalba tar-raħal jew ilha battala numru ta’ snin. Ifisser li din il-koppja ma tħallasx ċenteżmu wieħed f’taxxa tal-boll.
Fuq proprjetà ta’ €300,000, imqabbel mas-sitwazzjoni kif kienet qabel l-2013, din il-koppja se tiffranka mat-€13,000 f’taxxi. Barra minn hekk, jieħdu wkoll għotja ta’ €15,000 b’miżura li ddaħlet għal min jixtri f’UCA. Minn għada dik il-koppja tista’ tirreġistra u tirċievi €10,000 oħra fuq medda ta’ 10 snin. Sostenn ta’ €38,000. U b’rabta mal-ispejjeż biex jirrestawraw id-dar, dawn jingħataw għotja sa massimu ta’ €54,000 f’rifużjoni ta’ VAT.
“Qed nagħmlu dan biex ngħinu lill-koppji żgħażagħ, u dawk li jkunu deħlin fl-ewwel dar tagħhom u biex niddirezzjonaw is-suq tal-proprjetà lejn il-viżjoni li għandna għal dan il-pajjiż,” tenna l-Prim Ministru.
Qal li dan kollu jsir għax fi kliemu “aħna l-Gvern tal-inċentiv. U l-poplu rridu niħduh fid-direzzjoni li fiha nemmnu li għandu jimxi dan il-pajjiż billi nagħtuh l-inċentivi meħtieġa. Għamilna dan minkejja ċirkostanzi ta’ sfidi internazzjonali.
Bqajna riżoluti li ngħinu lin-nies. Għax nemmnu fl-implimentazzjoni tal-manifest Malta Flimkien.”