Ħafna nies għandhom raġun iħossuhom frustrati bil-ġustizzja f’pajjiżna. Il-proċessi kultant idumu wisq, u l-vittmi jistennew snin sħaħ biex jieħdu dak li hu tagħhom bid-dritt. Imma ejja nifhmu ħaġa bażika: il-Qorti hija awtonoma. Il-Gvern ma jistax jidħol f’dak li tagħmel il-Qorti. U hekk għandu jkun f’demokrazija vera.
Imma li jista’ jagħmel il-Gvern hu li jibni sistema ġusta, moderna, u b’saħħitha. U dan, il-Gvern Laburista għamlu. Mhux bil-kliem – imma bil-fatti.
Ejja nħarsu ftit lejn il-fatti:
Qabel l-2013 – taħt il-Partit Nazzjonalista – fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien hemm 25 avukat. Illum għandna aktar minn 100 avukat jaħdmu fl-Uffiċċji tal-Avukat Ġenerali u tal-Avukat tal-Istat.
Qabel l-istess uffiċċju kien jagħmel kollox – kemm pariri lill-Gvern u anke prosekuzzjonijiet. Aħna sseparajna dawn il-funzjonijiet – għal aktar trasparenza u effiċjenza. Għamilna l-akbar investiment fil-ġustizzja fl-istorja ta’ pajjiżna: din is-sena l-investiment fil-ġustizzja se jiżboq l-€84 miljun. Erba’ darbiet aktar minn kemm kien jonfoq Gvern Nazzjonalista.
Illum għandna aktar minn 100 avukat jaħdmu full-time fil-Qorti, biex jgħinu lill-ġudikanti f’xogħolhom u tiżdied l-effiċenza. Għandna aktar minn 70 avukat fil-Legal Aid, li jgħinu f’kawżi ċivili, kriminali u anke lil vittmi ta’ reati.
Fuq kollox, għandna l-akbar ġudikatura fl-istorja ta’ Malta – 57 ġudikant li dalwaqt jitilgħu għal 59. Fosthom 4 ġudikanti li huma responsabbli mill-inkjesti maġisterjali biss. Fi kliem sempliċi, fejn tidħol il-ġudikatura l-Ministru Jonathan Attard fi tliet snin għamel dak li ħaddieħor ħa 14-il sena biex jagħmel.
U ma waqafx hemm. Illum għandna sistema ġdida ta’ inkjesti – Daqshekk abbużi! Daqshekk kumpaniji bħala esperti. Daqshekk tberbiq bla verifika. Kull kont li jkun se jaqbeż €50,000 irid l-approvazzjoni tal-Prim Imħallef. Fuq kollox, grazzi għar-riforma fl-inkjesti maġisterjali, il-vittmi se jiġu infurmati bl-andament, u mhux jitħallew fil-għama kif kien jiġri qabel.
Imbagħad hemm temi oħra li ma nistax ma nsemmix la qed nitkellem fuq il-ġustizzja. Fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – kull min kien involut jew suspettat qed jiskonta sentenza jew jistenna ġuri.
U hekk xieraq. Għax ħadd mhu ’l fuq mil-liġi. Però mhux l-istess fil-każ ta’ Karin Grech. Missierha miet bla ġustizzja, anke jekk kien hemm min implika li kellu informazzjoni. Għax għall-kliem il-Partit Nazzjonalista ma jerbaħlu ħadd. Imma bil-kliem biss ma naslu mkien.
L-istess Gvern Nazzjonalista li taħtu ma kienx hemm dritt għal avukat waqt l-interrogazzjoni. Dan wassal biex peruni li kienu akkużati b’reati serjissimi ħarġu liberati għax id-drittijiet tagħhom ma ġewx rispettati.
U min jista’ jinsa l-maħfra Presidenzjali lill-barunijiet tad-droga? Kontra l-parir tal-Avukat Ġenerali stess! Hemm ħafna aktar x’nagħmlu – u għandna l-kuraġġ li nagħmluh. Minn riformi fil-liġi tal-familja għal titjib fil-proċessi ġudizzjarji.
Imma ejja nkunu ċari: hija kwistjoni ta’ kredibbiltà. Min iparla ħafna, u min iwettaq. Min jipprotesta, u min jimplimenta. Min jinvesti fil-ġustizzja, u min jabbuża minnha biex jippersegwita lin-nies. Aħna l-Partit tal-Ġustizzja – mhux bil-kliem – bil-fatti. U dawn il-fatti ma jmerihom ħadd.