Sunday, November 17, 2024

“Aħna l-partit tal-ħaddiema…. partit b’politika tan-nies, man-nies u għan-nies”

Aqra wkoll

Waqt attività politika minn ġewwa Ħal Tarxien, bis-sehem tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela, il-kandidata Laburista Romilda Baldacchino Zarb qalet li l-Partit Laburista huwa l-partit li minn ċkunitha ħabbet.

Qalet li dan huwa l-Partit li kibret fih, pass wara l-ieħor bil-ħidma tkun waħda kontinwa, liema miexja waslet biex illum qed tokkupa l-irwol ta’ sindku ta’ raħal twelidha. Qalet li issa mxiet għall-pass naturali li jmiss, dak li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss hija se tkun fost il-kandidati biex tibqa’ taħdem għan-nies.

Fid-diskors tagħha hija qalet: “Aħna s-saħħa ta’ dan il-partit. Aħna l-partit tal-ħaddiema. Dan huwa l-partit li jħaddan il-politika tan-nies, man-nies u għan-nies u għalhekk nagħżel il-PL għax din hija t-tip ta’ politika li nemmen fiha, il-politika li aħna ninvestu fin-nies. Jgħidulna budget riċiklat. Dażgur li jgħidulna hekk…. jibqa’ budget bla taxxi. Budget li jaħseb u jimmira l-isfidi ta’ kulħadd. Seba’ snin wara xulxin nibqgħu noffru żidiet fil-pensjonijiet u lill-familji tagħna nibqgħu noffrulhom aktar inċentivi. Dan, u aktar, kollu jfisser aktar flus fil-but għaċ-ċittadini tagħna. Dan huwa l-gvern li jagħraf l-importanza li niprempjaw il-bżulija filwaqt li nkomplu nassistu l-iżgħir.” 

Qalet li dan il-gvern għaraf jinvesti fiċ-ċittadini tagħna u fil-kriżi ekonomika attwali, dik tal-pandemija, ħadem fi pjan ta’ investiment fin-nies u fin-negozji tagħna. Dan grazzi għall-inċentivi li nħarġu bil-għan li jagħtu għajnuna għall-isfidi.

Bħala spiżjara, hija fakkret fiż-żmien meta kien ikun hemm il-mediċini out of stock. Qalet: “B’viżjoni dan il-gvern ħadem biex matul is-snin din il-problema ssolviet u llum il-ġurnata l-pazjenti jgħidulna: “Liema mediċini mistennija jorħsu? Liema mediċini ġodda mistennija jiddaħħlu fil-formularju” Dan huwa r-riżultat ta’ gvern soċjalist u li dejjem jaħseb fiż-żgħir.”

Ekonomija

Sport