Wednesday, May 21, 2025

Aħna lesti li nimmiraw ‘il fuq u ngħollu lit-tim ta’ St George’s FC fejn verament jistħoqqlu – Clive Caruana

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Li tkun mill-Belt hija normali li titrabba b’imħabba lejn il-futbol. L-imħabba tiegħi lejn il-futbol awtomatikament bdiet minn etá żgħira ħafna, l-iktar bis-saħħa ta’ missieri, dejjem niġri miegħu nara t-team tal-Belt jittrenjaw kif ukoll logħob tal-kampjonat. Ili involut fil- futbol issa minn meta dħalt nilgħab mal-Belt ta’ seba’ snin.

U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

Ir-rwol ta’ goalkeeper tista’ tgħid li ġie ta’ bla ħsieb. Proprjament bdejt bħala plejer u wara biss ġimgħa, ta tifel li kont iddeċidejt li nidħol goalkeeper. Dan ir-rwol għoġobni u vera ħadt gost fih. Inħares lura, ma jiddispjaċini xejn bl-għażla li għamilt. Illum il-ġurnata nemmen li huwa l-iktar rwol diffiċli fil-futbol … tgħidli għaliex? Il-fatt li jista’ jkollok il- logħba ta’ ħajtek u bi żball wieħed prattikament jista’ jintesa kollox, għalija turi r- responsabbiltá kbira li għandu goalkeeper fil-logħba tal-futbol.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ St George’s FC.

Bħala esperjenza ma’ St George’s FC nista’ ngħid li hija waħda pożittiva ħafna iktar milli ħsibt u ninsab kuntent . Laqgħuni u emmnu fija mill-bidu nett. Hemm ambjent vera sabiħ u grupp ta’ plejers kif ukoll kowċ u kumitat li mingħajr ma trid, tħossok parti minn familja mal-ewwel ġurnata. Din is-sena, l-istaff tekniku u l-kumitat qed jaħdmu b’mod passjonat biex jiżguraw staġun memorabbli għal kulħadd, inkluż għalina l-plejers u l- partitarji leali tagħna.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Edmond Lufi?

Il-kowċ Edmond Lufi huwa kowċ kapaċi ħafna b’esperjenza kbira fil-futbol Malti. Huwa kowċ professjonali kemm ġewwa u anke barra l-pitch. Huwa kowċ li ma jiddejjaqx jagħti ċans lill-plejers żgħażagħ u jemmen fil-potenzjal tagħhom. Kowċ li jagħmel sessjonijiet ta’ taħriġ interessanti u jidħol ħafna fid-dettall speċjalment fid-dixxiplina tattika biex jaddatta għall-avversarji li jkun imiss . Ħaġa li nammira fih hi l-mentalitá rebbieħa li jdaħħal fit-tim biex kull wieħed minna jagħti iżjed mill-mija fil-mija tiegħu f’kull partita biex jaslu r-riżultati.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-aħħar staġun?

Jekk nirriflettu fuq l-istaġun li għadda, aħna kburin bil-vjaġġ li għamel it-tim tagħna. Ix- xejra kienet ċara: sfidajna lilna nfusna biex niksbu l-promozzjoni. Flimkien bnejna grupp b’saħħtu, magħqudin bl-għan komuni tagħna li neħduha logħba b’logħba. 

Ix-xogħol iebes tagħna beda jagħti l-frott, hekk kif għamilna rawnd sħiħ mingħajr telfa waħda! Filwaqt li ma lħaqniex l-aħħar tragward tagħna din id-darba, nistgħu nħarsu lura lejn staġun pożittiv ħafna mimli tkabbir u determinazzjoni.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Inħarsu ‘l quddiem u nemmnu li billi nirriflettu fuq l-istaġun li għadda u nsaħħu l- iskwadra tagħna, nistgħu noffru sfida denja l-istaġun li ġej. Aħna lesti li nimmiraw ‘il fuq u ngħollu lit-tim ta’ St George’s FC fejn verament jistħoqqlu! 

Grazzi lill-plejers sħabi, kowċ, kumitat u mhux l-inqas il-partitarji tagħna talli kienu parti essenzjali minn dan il-vjaġġ!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport