“Il-materjal li nużaw fil-piroteknika għola immens. Bla tlaqlieq ngħid li ġiet diffiċli li tagħmel il-festi. L-ispejjeż issa huma kbar. Tant żdiedu li ma nifilħux għalihom. Muġugħin aħna bħala pirotekniċi. L-uniċi aħna li ma ħadna ebda għajnuna minn wara l-Covid19. Donnu hawn xi gwerra kontrina. Ħlief tfixkil mhux insibu”.
Dan iddikjarah ma’ Talk.mt, il-President tal-Għaqda Piroteknika Maltija, Josef Camilleri, meta mistoqsi dwar kif qed jiġu affettwati l-kmamar tan-nar f’pajjiżna miż-żieda fil-prezzijiet tal-materjal li jintuża fil-piroteknika, liema materjal għola sostanzjalment fl-aħħar ġimgħat, fejn f’xi każi anke irdoppja fil-prezz u aktar.
Josef Camilleri qal lil Talk.mt li “l-mod kif għola l-materjal ma nifilħux għalih. Bħala pirotekniċi ninsabu mweġgħin. Qed insibu ħafna intoppi. Anki intoppi mill-Pulzija. Qisu ħadd mhu jagħti kasna. Inħossu li qegħdin abbandunati. Il-Pulizija qed jivvintaw affarijiet mil-lum għal għada u dawn qed jaffettwawna ħafna. Inħoss li qisha għaddejja gwerra kontrina.”
Nistaqsuh jekk talbux li ssir xi laqgħa mal-awtoritajiet u jgħidilna li “din jafu biha is-sitwazzjoni. Il-messaġġ wassalnieh. Is-sitwazzjoni tagħna jafha kulħadd. Ħa ngħidlek ilna ġimgħat nikteb fuq kwistjoni li għaddejja fil-Munxar. Dawn is-soltu jaħarqu in-nar minn fuq scaffolding. Din hi xi ħaġa li ilha ssir għal diversi snin. In-nar minn fuq l-iscaffolding kien ikun inxurjat ukoll. Konna anke nieħdu ċertifikat ta’ inġinier. Issa qed jgħidu li ma jistax isir ħruq minn fuq scaffolding. Ma nafx għaliex qegħdin jagħmlulha hekk. Mela fi pjazza minn fuq bejt tista’ imma minn fuq scaffolding ma tistax”.
Jenfasizza li “aħna ma ħadna għajnuna ta’ xejn. L-aħħar għajnuna li ħadna kien tahielna l-Ministru Owen Bonniċi. Kienet għajnuna fuq saħħa u sigurtà u din għenet biex jonqsu l-inċidenti. Flok ngħinu l-volontarjat qed inkissruh”, tenna Josef Camilleri.