Minn Cristian Muscat
Max Pace ta’ 12-il sena u Ben Pace ta’ disa’ snin. Atleti ta’ etá żgħira b’futur mill-isbaħ fl-OCR. Fuq il-mezzi soċjali, wieħed jista’ jsibhom bħala OCR Bros.
Kif bdiet l-imħabba tagħkom lejn l-OCR?
Max: Mhux min dejjem kont sportiv, peró meta bdejt l-ewwel bl-atletika mbagħad wara bl-OCR minn kmieni ħassejt li kelli potenzjal li nirnexxi f’dan l-isport.
Ben: Jien tliet snin iżghar minn Max. Meta bdejna l-OCR jien kelli sitt snin. Il-ħin kollu nittrenja ma’ Max kemm id-dar, xi girja Ta’ Qali jew ġewwa l-Obstacle Course Academy (OCA). Peressli Max huwa wieħed mill-aqwa altleti lokali f’dan l-isport, jien nipprova nlaħħaq miegħu u grazzi għal dan nieħu l-opportunitá li ntejjeb il-kwalitá tiegħi ukoll. Illum il-ġurnata ninsab fil-quċċata tal-kampjonat ta’ taħt il-11-il sena grazzi għal dan.
X’suċċessi maġġuri ksibtu sa issa f’dan l-isport li tant tħobbu?
Lokalment irbaħna l-Kampjonat Nazzjonali tal-OCR għas-sena 2024 għall-etá ta’ bejn id-9 u l-11-il sena u s-6 u t-8 snin rispettivament. Kif ukoll bħala Max ippartecipajt fil-Kampjonati Mondjali u Ewropej ġewwa l-Belġju, il-Portugall u l-Iżvezja. F’dawn tal-aħħar irnexxieli niġi l- ħames fit-tellieqa ta’ 3km + 20 ostaklu kif ukoll kelli l-aħjar ħin fl-istess tellieqa mid-delegazjoni Maltija. Issa nistenna li ħija Ben jibda l-esperjenza internazjonali tiegħu mis-sena d-dieħla wkoll ġewwa Spanja u l-Irlanda.
X’tikkummentaw fuq il-kowċ, Ivan Gauci?
Inħossuna xxurtjati li l-kowċ tal-akkademja u n-nazjonal għat-tfal taħt is-16-il sena Ivan Gauci jissapportjana ħafna kif ukoll jagħtina l-libertá li nesperimentaw modi ta’ taħriġ innovattivi biex dejjem intejbu l-abbiltá fiżika tagħna.
Kif tqisu l-livell tal-OCR f’pajjiżna?
Il-livell tal-OCR ġewwa pajjiżna tjieb ħafna speċjalment f’dawn l-aħħar snin grazzi għax-xogħol li qed isir mill-akkademji lokali kif ukoll permez tal-kampjonat li issa qed isir għat-tieni sena.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Nemmen li l-akkademji lokali jagħmlu dak kollu possibli biex ikollna fejn nitħarrġu. Meta nsiefru barra minn Malta ġieli nsibu riżorsi pubbliċi ta’ livell għoli ħafna fejn wieħed jista’ jittrenja l-OCR. Li wieħed jagħmel attivitajjiet li huma parti minn dan l-isport huwa ta’ benefiċċju fiżiku kif ukoll mentali, u hija ħasra li meta jsiru inizjattivi simili lokalment jintuża materjal tajjeb peró t-tqassim mhux dejjem ikun ta’ livell.
Kif qed tħarsu lejn il-futur tagħkom fl-OCR?
Issa li l-OCR qed isir aktar popolari ninsab eċċitat li jinvolvu ruħhom fih iktar tfal biex il-livell ikompli jogħla u b’hekk jogħla wkoll l-entużjażmu. Ġaladarba l-OCR iddaħħal bħala Sport Olimpiku (parti mill-Pentathlon) it-taħriġ irid ikompli b’mod diversifikat biex naħdmu għal dan ukoll.
Għaddu messaġġ finali lil kull min jixtieq jibda jipprattika l-OCR.
Aħna nħarsu lejn il-ħajja b’mod pożittiv ħafna grazzi għal dan l-isport. Id-diversifikazjoni li jġib miegħu hija waħda interessanti u qatt ma jiġi ripetittiv, għax il-ħin kollu jevolvi.
Wieħed irid ikollu saħħa mentali daqs dik fiżika biex jipparteċipa b’suċċess u jżomm mal-iskeda tat-taħriġ b’ mod dixxiplinat. Ma’ dan kollu, l-OCR fih innifsu joffri eżerċizzju anke għal dawk li mhux interessati li jikkompetu għalissa, allura nħeġġu lil min jixtieq jipprova biex iqum minn hemm u jibda!