Tuesday, September 30, 2025

‘Aħna nistgħu nkunu ta’ ispirazzjoni għal-lokalitajiet oħra … Il-Pawlisti qed juru li meta hemm ħidma flimkien, kollox hu possibbli’ – Darren Lynch

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-lokalità ta’ Raħal Ġdid tinsab fiċ-ċentru ta’ attenzjoni Ewropea hekk kif ġiet uffiċjalment magħżula bħala European Town of Sport 2026 jew aħjar bil-Malti il-Belt Ewropea tal-Ispots 2026 minn ACES Europe. Dan ir-rikonoxximent prestiġġjuż mhux biss jagħti unur kbir lil dan ir-raħal li pjuttost wieħed jista’ jsejjaħlu belt iżda tqiegħdu fuq il-mappa tal-isport Ewropew. Għal dan il-għan kellna l-opportunità nintervistaw lil Darren Lynch, kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ Paola, li spjegalna xi jfisser dan it-titlu għall-komunità u x’inhuma l-pjanijiet għall-futur.

Lynch beda billi esprima l-kobor tiegħu bħala rappreżentant tal-Pawlisti: “Dan huwa unur kbir għalina lkoll. Li l-Belt de Paule ngħatat dan it-titlu jfisser li l-ħidma tagħna bħala kunsill ġiet rikonoxxuta fuq livell Ewropew. Huwa wkoll rifless ta’ governanza tajba u ta’ impenn kollettiv bejn il-kunsill, ir-Reġjun Port u l-komunità tagħna.”

Hu kompla jispjega kif il-proċess biex jinkiseb dan it-titlu kien wieħed intensiv, li rrikjeda taħlita ta’ viżjoni ċara u kooperazzjoni kontinwa. Il-ktieb li relattivament kellu ħafna paġni dwar il-promozzjoni ta’ dan l-avveniment ippreparat mill-Kunsill Lokali b’appoġġ tar-Reġjun Port kien kruċjali biex jikkonvinċi lil ACES Europe dwar il-potenzjal ta’ Raħal Ġdid.

“B’dan it-titlu, Raħal Ġdid qed jitpoġġa fuq il-mappa tal-isport Ewropew,” sostna Lynch. “Ma nistgħux narawh biss bħala ġieh, imma bħala opportunità unika biex nagħtu spinta lill-isport, is-saħħa u l-għaqda fil-komunità. Din hi ċ-ċavetta: mhux biss inżidu l-viżibilità ta’ din il-belt, imma nkunu ta’ ispirazzjoni għal lokalitajiet oħra Maltin.”

Lynch kompla jgħid li dan ir-rikonoxximent m’huwiex biss għall-kunsill iżda għal kull ċittadin Pawlist li b’xi mod jew ieħor jagħti sehmu f’ħajja sportiva u komunitarja vibranti.

Paola, magħrufa għall-istorja tagħha u ċ-ċentru soċjali tagħha, issa se tkun magħrufa wkoll għall-impenn sportiv tagħha. Lynch ifakkar li fil-lokalità hemm diversi faċilitajiet sportivi importanti li għal snin twal servew bħala spazji għall-futbol u għall-attivitajiet komunitarji.

“Dawn is-siti sportivi huma parti mill-identità tagħna. Aħna determinati li naħdmu flimkien mal-klabbs biex dawn isiru ċentri ta’ eċċellenza. Il-fatt li Raħal Ġdid ser tkun il-Belt Ewropea għall-Isport jagħtina motivazzjoni oħra biex intejbu l-faċilitajiet u niżguraw li jkunu aċċessibbli għal kulħadd,” qal il-kunsillier.

Lynch insista li r-raħal għandu ħafna aktar x’joffri minn futbol biss: “Fil-lokalità tagħna hemm dixxiplini varji bħall-hockey, tennis u rugby. L-għan tagħna hu li nippromovu kull sport, kbir jew żgħir, popolari jew speċjalizzat. Dan ir-rikonoxximent joffri pjattaforma biex kull dixxiplina tingħata l-viżibilità li ħaqqha.”

Huwa spjega li l-2026 ser tkun sena mimlija b’attivitajiet sportivi: kull xahar ser isir avveniment differenti biex jinvolvi kemm jista’ jkun nies. Dawn l-attivitajiet mhux biss se jservu ta’ divertiment, imma wkoll biex jinħoloq sens ta’ identità u saħħa kollettiva.

Wieħed mill-aktar punti li jtenni hu l-benefiċċju fuq is-saħħa pubblika. “L-attività fiżika hija essenzjali għall-benesseri tagħna lkoll. B’aktar opportunitajiet biex in-nies jipparteċipaw fl-isport, inkunu qed inħeġġu stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu. Din hi opportunità li ma nistgħux nitilfu,” sostna Lynch.

Il-Kunsill se jkun qed jaħdem ukoll ma’ skejjel u għaqdiet sportivi biex il-messaġġ tas-saħħa u kemm hu importanti l-eżerċizzju fiżiku jilħaq kemm jista’ jkun żgħażagħ. Iżda mhux biss, anke komunitajiet oħra b’etajiet varji għax skontu din hi ċ-ċelebrazzjoni ta’ kulħadd.

Darren Lynch ma setax ma jsemmix l-appoġġ kontinwu tar-Reġjun Port. Huwa stqarr: “Nixtieq nirringrazzja b’mod speċjali lir-Reġjun Port talli emmnu f’din l-inizjattiva u tawna l-appoġġ sħiħ tagħhom. Din mhix biss rebħa għal Raħal Ġdid imma wkoll għal kull lokalità li tifforma parti mir-reġjun.”

Il-fatt li ACES Europe kienet impressjonata bl-impenn u l-kollaborazzjoni lokali juri li Malta tista’ tippreżenta proġetti ta’ livell għoli li jispikkaw fuq skala Ewropea.

Lynch jara f’dan it-titlu mhux biss ġieħ għall-preżent iżda wkoll investiment fil-futur.

“Aħna nistgħu nkunu ta’ ispirazzjoni għal lokalitajiet oħra. Il-Pawlisti qed juru li meta

hemm ħidma flimkien, kollox hu possibbli. Din ir-rikonoxxenza tista’ tħeġġeġ aktar komunitajiet Maltin biex jimxu fuq il-passi tagħna.”

Hu jemmen ukoll li din l-opportunità tista’ twassal biex jinħolqu aktar inizjattivi ta’ volontarjat u ta’ parteċipazzjoni attiva mill-poplu.

Il-konklużjoni ta’ Lynch kienet ċara: “L-2026 ser tkun sena storika għal Raħal Ġdid u għal Malta. Aħna determinati li nagħmlu minnha sena li tibqa’ mfakkra, sena li fiha l-isport, is-saħħa u l-komunità jkunu fil-qalba ta’ kull attività.”

Din ir-rikonoxxenza tal-Belt Ewropea tal-Isport 2026 hija wkoll sejħa għal kull Pawlist biex iħossu parti minn dan il-proġett. Mhux biss bħala spettaturi, imma bħala protagonisti li jagħtu sehemhom f’din il-ġrajja unika.

L-intervista ma’ Darren Lynch turi l-entużjażmu u l-impenn li jeżisti fi ħdan il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid. Minn infrastruttura sportiva għal attivitajiet inklużivi, mill-promozzjoni tas-saħħa sal-kollaborazzjoni reġjonali, kull dettall qed jintrabat biex jassigura li l-2026 tkun sena li verament tħalli marka.

Raħal Ġdid issa għandha l-opportunità mhux biss li tkun il-Belt Ewropea tal-Isport, imma li turi kif lokalità Maltija tista’ twassal messaġġ ta’ kuraġġ, sportività u komunità fuq livell internazzjonali. Għalhekk, kif qal Lynch, “din mhix biss rebħa għal Raħal Ġdid , imma rebħa għal Malta kollha.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport