Sunday, December 22, 2024

“Aħna nixtiequ naraw futur fejn infittxu aktar dak li jgħaqqadna milli dak li jifridna”

Aqra wkoll

“Aħna nixtiequ naraw il-ġid ekonomiku jitqassam bil-ħaqq u b’ekwità. Aħna nixtiequ li kulħadd jitqies indaqs u kulħadd igawdi l-istess drittijiet u rispetti. Aħna nixtiequ naraw futur fejn infittxu aktar dak li jgħaqqadna milli dak li jifridna. Aħna nixtiequ naraw futur fejn inħarsu ‘l quddiem b’fiduċja qawwija f’xulxin. Din hi r-Repubblika ta’ Malta li nixtieq nara tiżviluppa matul is-snin li ġejjin. Dawn huma l-isfidi li għandna quddiemna bħala poplu sovran u responsabbli.”

Hekk qal il-President ta’ Malta George Vella fid-diskors tiegħu f’Jum ir-Repubblika. Qal li matul dan il-jum saret drawwa li f’dan il-jum minbarra li niehdu l-okkażjoni biex nagħarfu lil dawk li b’xi mod jew ieħor ikkontribwew lis-soċjetà Maltija, huwa jaqsam il-ħsibijiet tiegħu fuq dak li jkun għaddej minn pajjiżna kif ukoll dwar it-tamiet u x-xewqat li jkollu dwar il-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż.

Fost l-oħrajn semma kif id-dover kostituzzjonali tiegħu jitlob li qabel kollox jiżgura it-twettiq tal-Istat tad-dritt u l-governabilità.

Il-President tkellem dwar il-pandemija tal-Covid-19. Qal li kulħadd jaqbel li din l-infezzjoni ħarbtitilna ħajjitna u ħolqot sitwazzjonijiet li qatt ma konna esperjenzajna qabel.

Tkellem dwar il-fatt li pajjiżna dejjem jibqa’ grat għall-professjonisti li middew għonqhom għax-xogħol bil-lejl u bin-nhar u li bl-esperjenzi li bdew jieħdu faslu pjan ta’ azzjoni li bil-kooperazzjoni ta’ dawk kollha involuti fis-setturi u d-dipartimenti, twettaq b’suċċess waqt li kibret il-fiduċja tla-poplu f’dak kollu li kienu qed jirrikomandawlna dawk li kienu fit-tmexxija.

Min-naħa l-oħra qal li pajjiżna jibqa’ iddispjaċut għal ‘il fuq minn 470 ruħ li spiċċaw vittmi ta’ din il-pandemija. Qal li l-pandemija ma telqitx għal kollox u jkun prematur jekk xi ħadd jagħmel previżjonijiet kif se ġġib ruħha fil-futur. “Li nafu żgur li, grazzi għall-miżuri meħuda, u fuq kollox it-tilqim fuq skala nazzjonali, għaddejjin minn perjodu li fih jidher li għandna ċertu kontroll fuq it-tixrid tagħha ġewwa pajjiżna, dejjem jekk ma jitfaċċawx xi varjanti ġodda aktar infettivi.”

Semma l-fatt li din il-pandemija kellha effetti qawwija fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna, fuq il-ħajja soċjali u s-saħħa mentali fil-faxex kważi kollha tal-popolazzjoni. Qal li dan kollhu għadna qed nirpiljaw minnu bħal pajjiżi oħra madwar id-dinja li għadhom għaddejin minn din l-esperjenza.

Qal li din il-pandemija turina biċ-ċar il-qasma li teżisti bejn pajjiżi żviluppati u dawk inqas żviluppati u foqra. Qal li pajjiżna, bil-ftit mezzi li għandu u li kellu, ta ilbies protettiv, maskri u tilqim u offrieh b’xejn lil dawn il-pajjiżi. Qal li b’hekk irnexxielna npoġġu s-solidarjetà fil-prattika mhux biss bejnietna imma anke ma’ popli barranin.

Innota kif pajjiżna qiegħed b’għaqal u b’kawtela jbexxaq il-bibien biex jerġgħu jinfetħu l-kuntatti ma’ barra, speċjalment fil-qasam tat-turiżmu u setturi oħra

Semma kif sadanittant matul din l-aħħar sena pajjiżna kellu żewġ sfidi oħra li ried jaffaċċja – waħda minnhom it-tfittxija għall-ġustizzja u għat-twettiq tal-ħaqq ma’ dawk li kienu involuti fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Filwaqt li osserva l-fatt li l-feriti ma jingħalqux, it-tagħlimiet li għandna nieħdu minn dan il-każ jibqgħu hemm biex nitgħallmu minnhom, filwaqt li qal li  ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi.

Il-President qal li l-isfida l-oħra kellha x’taqsam mal-għajta li ġiet imbuttata biex ikun hemm aktar separazzjoni ta’ poteri fl-amministrazzjoni ta’ pajjiżna.

Tkellem ukoll dwar il-fatt li matul il-pandemija urejna verament kif ikunu l-għaqda u solidajretà bejnietna bħal f’maratoni ġbir ta’ fondi biex jiġu mgħejuna n-nies bħalma hija l-Istrina. 

Qal li żgur li mhux se nibnu fuq l-aġir ta’ dawk il-ftit li ma jiddejqux juru sentimenti ta’ razziżmu u xenofobija u li ma juru l-ebda rispett lejn barrani li weġġa’ fuq ix-xogħol jew xi ħadd f’mument kritiku qed jikkontempla jneħħix ħajtu b’idejh jew le.

“Il-Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali, li se nħabbar it-twaqqif tagħha dalwaqt, se tipprovdi forum newtrali li fih jistgħu jinżammu diskussjonijiet fuq bosta suġġetti, u jitwettaq programm ta’ azzjoni biex jintlaħaq l-għan li jitnaqqsu d-differenzi bejnietna.”

Il-President aċċenna għall-fatt li fi ftit xhur oħra pajjiżna jrid jgħaddi minn eżerċizzju li huwa l-bażi tad-demokrazija li huwadak li jeleġġi b’vot ħieles il-gvern li l-poplu jrid li jmexxih għall-ħames snin li ġejjin.

F’dan ir-rigward huwa appella biex bil-kalma u b’rispett sħiħ lejn l-intelliġenza tal-poplu, inpoġġu quddiemu b’mod ċar u bla ekwivoki dawk il-programmi ta’ ħidma, u dawk il-linji politiċi, li wieħed ikun lest iwettaq jekk ikun magħżul biex imexxi. “Nawgura li dawk l-istrutturi kostituzzjonali li għandhom l-obbligu li jaraw li l-proċess elettorali jitmexxa b’mod demokratiku, bħalma ġara fil-passat, iserrħu ras il-poplu li dan iseħħ. Dan nawgurah ukoll kemm għal min huwa responsabbli għall-bilanċ fix-xandir, kif ukoll lil dawk kollha responsabbli għall-ħarsien tal-ordni pubbliku.”

Żied jgħid li min se jkun fit-tmexxija ta’ pajjiżna, minbarra li jrid jagħmel tajjeb għall-ħsara li għamlitilna u għadha qiegħda tagħmlilna l-Covid-19, irid ukoll jaffaċċja problemi, xi wħud ġodda, oħrajn qodma, li jinstabu f’kull soċjetà, anke f’dawk l-aktar żviluppati. F’dan ir-rigward qal li l-ebda waħda minn dawn il-problemi ma tista’ tiġi injorata.

“Qiegħed nirreferi għall-problemi soċjali, li huma riżultat ta’ ħafna fatturi, li sfortunatament iġibu tbatijiet fuq min ikun vittma tagħhom. Qiegħed nirreferi għal dawk li minkejja kull forma ta’ għajnuna jibqgħu f’faqar kroniku, u f’sitwazzjoni soċjali prekarja. Uħud vittmi tal-użura.”

Il-President tkelllem ukoll fuq dik li sejjaħ it-theddida tal-firxa tal-bini u l-kostruzzjoni li qiegħda tieħu dejjem aktar spazju mill-art agrikola u l-art verġni. Qal li biex inħarsu s-sbuħija u s-sostenibilità ta’ pajjiżna rridu nsibu bilanċ bejn l-ambjent mibni u dak naturali.

“Nappella lill-awtoritajiet regolatorji f’dan il-qasam, biex jużaw ir-regoli kollha u l-mezzi kollha li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, biex jiżguraw żvilupp aktar sostenibbli u aktar sabiħ, fil-ħarsien tar-rispett lejn l-ambjent Malti u b’mod partikolari dak Għawdxi.”

Huwa tkellem ukoll dwar il-fatt li l-migrazzjoni wkoll qiegħda fuq quddiem fil-lista tal-prijoritajiet għall-poplu Malti u Għawdxi. F’dan ir-rigward huwa qal li ftit li xejn għandna kontroll fuq kif u fejn jibda dan il-fenomenu, imma żgur jaqgħu responsabbiltajiet mhux żgħar fuq spallejna, meta dawn jaslu f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport