Monday, December 23, 2024

“Aħraqha sew ħalli tkun maħruqa sew”

Jeħlu 5 snin ħabs kull wieħed

Aqra wkoll

Judith Bakoush u Omar Trabelsi ġew ikkundannat ħames snin ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja li fl-2019 kienu ħarqu karozza li kienet ipparkjata f’bitħa komuni ta’ blokka ta’ appartamenti fil-Belt Valletta.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li l-każ kien seħħ fl-10 ta’ Novembru ta’ ħames snin ilu għall-ħabta tat-3.30am fi Triq San Duminku l-Belt.

Xhieda fil-każ qal li Trabelsi kien wettaq ir-reat fuq struzzjonijiet ta’ Bakoush. Skont ix-xhud Bakoush kienet qalet lil Trabelsi biex jaħraq il-karozza.

Wara li kien ħaraq il-karozza, Trabelsi mar għand Bakoush u qalilha li l-missjoni kienet kompluta. Skont dak ippreżentat fil-Qorti, Bakoush kienet tat xi droga lil Trabelsi bħala ħlas ta’ dak li kien għadu kemm wettaq.

Il-Prosekuzzjoni qalet li n-nar kien infirex sew tant li anke kienet inħarqet karozza oħra kif ukoll partijiet minn faċċata ta’ blokka li tagħti għal fuq il-bitħa.

Il-Maġistrat Montebello ordnat liż-żewġ akkużati jħallsu €21,000 tal-ħsarat u €1,300 għall-ispejjeż tal-Qorti. Inħarġitilhom anki ordni ta’ trażżin u ta’ trattament għal tliet snin.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna.

Ekonomija

Sport