Żewġ aħwa mis-Siġġiewi, Roderick u Melvin Montesin, dehru quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi wara inċident li seħħ waqt party f’Gianpula fil-lejl tal-Għid il-Kbir.
L-Ispettur Roderick Attard qal nhar il-5 t’April l-Gianpula, l-irġiel kienu involuti f’argument ma’ żewġ tfajliet u s-sieħeb ta’ waħda minnhom.
L-argument beda meta waħda mit-tfajliet avviċinat lill-imputati u qalet lil wieħed minnhom biex iħalli lil oħtha waħedha, u sostniet li din kienet kuntenta u “m’għandhiex x’tambih”.
L-aħwa imbagħad ġew eskortati l-barra mill-post tad-divertiment.
Madankollu, il-konfront kompla barra, fejn inxtegħel grinder biex jintimida lill-vittmi, minkejja li ma ngħataw l-ebda daqqiet bih.
L-irġiel ġew akkużati li kkaġunaw ġrieħi ħfief lill-għarus ta’ waħda mit-tfajliet, filwaqt li Melvin Montesin waħdu ġie akkużat li kkaġuna biża’ ta’ vjolenza fuq it-tliet vittmi permezz ta’ theddid u użu ta’ arma, kif ukoll li kkaġuna ġrieħi ħfief lil tfajla minnhom. Huwa ġie akkużat ukoll li hedded u insulta lit-tliet persuni.
Barra minn hekk, huwa ġie akkużat li kiser żewġ kundizzjonijiet separati ta’ ħelsien mill-arrest imposti fuqu f’każijiet oħra.
Iż-żewġ aħwa wieġbu ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-prosekuzzjoni nnotat li Melvin Montesin wera rimors għal għemilu.
Roderick Montesin ingħata probation order ta’ sentejn taħt superviżjoni, filwaqt li Melvin Montesin ingħata sentenza ta’ 13-il xahar ħabs sospiża għal tliet snin, multa ta’ €500 u konfiska ta’ €2,000 minn depożiti relatati ma’ kawżi oħra.
Inħarġu wkoll ordnijiet ta’ protezzjoni favur il-vittmi.
L-avukat Nicholas Mifsud deher għal Melvin Montesin, filwaqt li l-avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia dehru għal Roderick Montesin.

