Sunday, November 24, 2024

Aħwa tfajliet jingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li ġew mixlija li sawtu ħabiba

Aqra wkoll

Żewġt aħwa tfajliet residenti Pembroke ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li ġew akkużati li sawtu tfajla li kienet ħabiba tagħhom.

It-tfajliet għandhom 21 sena u l-oħra 16-il sena filwaqt li l-vittma għandha 18-il sena. L-allegat każ seħħ fl-appartament ta’ missier il-vittma f’Tal-Pietà.

Huma ġew akkużati li fil-lejl ta’ bejn nhar l-Erbgħa u l-Ħamis li għaddew attakkaw lill-vittma u anke kkaġunawlha ġrieħi ħfief. Huma ġew akkużati wkoll li kkaġunaw ħsara fl-appartament ta’ missier il-vittma u anke fil-karozza.

It-tfajla ta’ 21 sena kienet akkużata wkoll li kisret sentenza tal-Qorti filwaqt li dik ta’ 16-il sena kienet akkużata li fil-pussess tagħha kellha mus.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest fejn it-talba ġiet milqugħa taħt diversi kundizzjonijiet mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elisia Scicluna waqt li għall-akkużati dehru l-Avukati Victor Bugeja u Julia Micallef Stafrace. L-Avukat David Gatt deher għall-vittma.

Sport