Wednesday, August 6, 2025

AIMS torganizza workshop għall-Uffiċjali Edukattivi tal-Integritá

Aqra wkoll

L-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS) organizzat workshop intensiv għat-tim tagħha ta’ Uffiċjali Edukattivi. Dan kien workshop maħsub biex jevalwa l-inizjattivi edukattivi attwali u jsaħħaħ aktar ir-rwol tagħhom fil-ħarsien tal-integrità fl-isport f’Malta.

Il-workshop iffoka fuq l-identifikazzjoni ta’ proċeduri eżistenti, inizjattivi edukattivi nazzjonali u l-viżjoni fit-tul ta’ AIMS għal sport nadif u ubbażat fuq integrita’. Flimkien, l-uffiċjali eżaminaw ir-realtajiet lokali, identifikaw l-isfidi persistenti, u kkontribwew b’mod kollettiv biex titjieb l-edukazzjoni dwar l-integrità fuq livell sportiv nazzjonali.

Minbarra l-aspett edukattiv, l-uffiċjali rċevew ukoll taħriġ speċifiku dwar il-ġbir ta’ informazzjoni, b’kollaborazzjoni mad-dipartiment tat-Testijiet u Anti-Doping tal-AIMS. Dan kollu jiżgura li l-Uffiċjali Edukattivi jkunu mhux biss imħarrġa biex jinfurmaw u jispiraw lill-atleti u amministraturi, imma wkoll biex jagħrfu u jirrapportaw theddid potenzjali għall-integrità sportiva.

Din l-inizjattiva tibni fuq sena ta’ progress sinifikanti għall-AIMS, fejn bejn l-2024 u s-sena 2025, saret it-tnedija ta’ suġġetti ġodda fejn l-edukazzjoni ġiet estiża fost firxa aktar wiesa ta’ dixxiplini sportivi differenti.

Din kienet opportunità kruċjali għall-Uffiċjali Edukattivi tal-Integrità fl-Edukazzjoni tagħna biex jirriflettu, jaqsmu l-esperjenzi u jtejbu l-ħiliet tagħhom,” qal Andy Grech, Direttur tal-Edukazzjoni u r-Riċerka fi ħdan AIMS. “Billi ngħaqqdu l-edukazzjoni mal-kapaċita’ ta’ ġbir ta’ informazzjoni, qed niżguraw li t-tim tagħna jkun jista’ jappoġġja lill-membri kollha tal-komunità sportiva lokali — mhux biss lill-atleti — fil-bini ta’ kultura bbażata fuq il-ġustizzja, ir-responsabbiltà u r-rispett.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport