Sunday, October 26, 2025

Ajruplan maħtuf li kien fadallu biss ftit minuti ta’ fjuwil …Mintoff jinnegozja u jinħeles kulħadd

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kien proprju bħal bħal dan iż-żmien 46 sena ilu meta ajruplan tal-Libyan Arab Airlines Fokker 27 inħataf meta telaq minn Tripli. Hu kien inħataf minn tlett pirati tal-ajru. Dan il-każ kien fakkar lil ħafna fil-każ ta’ ħtif li kien seħħ snin qabel li kien jinvolvi ajruplan tal-linja tal-ajru KLM. Wara l-każ tal-Fokker kien seħħ każ ieħor ta’ ħtif li kien ukoll ajruplan tal-kumpanija Libyan Arab Airlines u wara seħħ il-każ tal-Egypt Air, li spiċċa fi traġedja.

Minkejja li l-każ spiċċa b’wiċċ il-ġid, b’negozjati mill-Prim Ministru Dom Mintoff mal-pirati, kien hemm mumenti ta’ tensjoni u dan għax waqt li kienu għaddejjin in-negozjati mal-pirati, l-ajruplan kien fadallu inqas minn 20 minuta ta’ fjuwil.  Wara li nħelsu l-ostaġġi, il-pirati kienu tkellmu dwar is-sitwazzjoni tagħhom. 

Jitkellmu it-tliet pirati tal-ajru

It-tliet pirati li ħatfu l-ajruplan tal-Libyan Arab Airlines  kienu qalu li huma għandhom ċittadinanza Sirjana u li kienu marru l-Libja biex jaħdmu sentejn ilu. 

It-tlieta pirati kienu  Subhi Laham ta’ 25 sena, Mohammed Al Ghawani ta’ 18-il sena u Mahmoud Ismael ta’ 18-il sena ukoll. Waqt li Laham u  Ismael kienu jaħdmu ta’ żebbiegħa, Al Ghawanbi kien jaħdem bħala ‘plumber’. 

Subhi qal li biex ħatfu l-ajruplan huma kellhom biss skieken u bomba tal-petrol.  Hu qal li huma ippuntaw is-sikkina ma’ għonq il-bdot u heddew li jisplodu l-ajruplan bil-bomba li kellhom. Hu qal ukoll li l-għan tagħhom kien li jmorru l-Iżvizzera għalkemm qalu li Malta togħġobhom ukoll. 

Spjegaw li l-ħsieb tagħhom kien li jmorru l-Iżvizzera iżda l-fjuwil ma kienx jippermetti dan.  Hu ma kienx jaf x’se jgħid meta mistoqsi x’se jiġri minnhom, għalkemm kienu persważi li huma se jkunu jistgħu iħallu Malta fi żmien ġimgħa jew għaxart ijiem. 

Il-problema li kellhom dakinhar kienet li l-pajjiż li fih ikunu jridu jmorru irid ikun iridhom. It-tlett pirati qalu li huma ma setgħux jitilqu mil-Libja għax ma kellhomx passaporti. 

Il-konversazzjoni mal-pirati

Interessanti ħafna kienu in-negozjati bejn il-Prim Ministru Dom Mintoff, it-Torri tal-Kontroll u l-pirati.  Il-konversazzjoni kollha li wasslet bier inħelsu l-ostaġġi u l-ajruplan ingħata permess jinżel.

IL-PIRATI:  Irridu inkellmu lill-Prim Ministru Malti jew lil xi ħadd mill-Ambaxxata tas-Sirja.

TORRI TAL-KONTROLL:  Stenna mument.

IL-PIRATI: Se jkellimkom il-mexxej tagħna.

TORRI TAL-KONTROLL: Dom Mintoff irid ikun jaf għaliex ġejtu Malta.

IL-PIRATI: Aħna ma rridu noqtlu jew nattakkaw lil ħadd.

TORRI TAL-KONTROLL: Mintoff jagħtikom permes tinżlu Malta basta tħallu l-ostaġġi kollha u toqgħodu f’ħabs Malti sakemm nistudjaw il-problema.

IL-PIRATI:  Ma rridu nkellmu lil ħadd sakemm jiġi konslu jew l-Ambaxxatur tas-Sirja.

TORRI TAL-KONTROLL: Mhawnx ambaxxatur jew Konslu Sirjan. Jekk tibqgħu  dduru għal xejn se jispiċċalkom il-fjuiwil. Tistgħu titkellmu direttament mal-Prim Ministru Malti.

IL-PIRATI: Għid lil Mintoff li aħna ma rridu noqtlu lil ħadd.

TORRI TAL-KONTROLL:  Mintoff iħallikom tinżlu, basta teħilsu l-ostaġġi, tħallu l-ajruplan hawn u tmorru fejn tridu.

IL-PIRATI: Kollox sew imma rridu aktar garanziji.

IL-PIRATI:  X’garanziji oħra tistgħu toffru barra ajruplan ieħor?

MINTOFF: Lesti nħallukom titilqu ma’ l-ewwel ajruplan fejn tridu intom.

 IL-PIRATI: Sur Mintoff, aħna m’aħniex kriminali. Aħna rridu garanziji fosthom dik li nieħdu kenn politiku f’Malta. 

MINTOFF Aħna lesti li nagħtukom kenn politiku f’Malta għal ġimgħa basta teħilsu l-passiġġieri u tħallu l-ajruplan hawn. 

IL-PIRATI:  Irridu lill-Prim Ministru personali jitkellem magħna ui nittamaw li naslu għal soluzzjoni.

MINTOFF:  Il-ftehim tas-soluzzoni irid isir qabel tillandjaw.

IL-PIRATI:  Irridu ħaġa waħda biss. Jinżel l-ajruplan Malta. Jieħu l-fjuwil u l-passiġġeri nniżżluhom Ruma. Wara nkomplu niddiskutu. Jekk iżda naslu għal ftehim qabel l-passiġġieri nniżżluhom f’Malta iżda skont kif irridu aħna.  

MINTOFF: Jien irrid li aħna niftehmu qabel ma’ tillandjaw.  Irrid ngħidilkom li l-fjuwil tagħna hu fjuwil Għarbi. U ma nistgħux nagħtuhulkom biex intom tmorru post ieħor. F’din il-ħaġa aħna irridu inkunu imparzjali. Lesti nħallukom tieħdu kenn politiku għal ġimgħa anke mal-Qawwiet Armati ta’ Malta jekk tridu.

IL-PIRATI: Aħna lesti neħilsu lil kulħadd basta f’Malta nagħmlu konferezna stampa dwar il-fehmiet tagħna. 

TORRI TAL-KONTROLL: Mintoff qalilkom li hawn ħafna ajruplani oħra li jridu jinżlu. Mintoff irid jgħinkom jekk intom tridu li jgħinkom.

Jitkellem il-bdot ta’ l-ajruplan maħtuf. Il-bdot li x’aktarx  li kien Portugiż qal li fjuwil  kien fadallu biss għal 20 minuta oħra. 

TORRI TAL-KONTROLL:  X’se tagħmel u jekk jispiċċa l-fjuwil u nibqgħu ma niftehmux?

PIRATI: Aħna rridu nkellmu lill-ġurnalisti Maltin u wara agħtuna garanzija li nitilqu minn Malta.

TORRI TAL-KONTROLL: Kollox sew. Tagħmlu konferenza stampa basta titilqu lill-passiġġieri u l-ajruplan. Fil-konferenza titkellmu fuqkom biss u mhux kontra xi pajjiż ieħor.  Tridu tirrispettawna bħalma qed nirrispettawkom aħna.  It-tieni ħaġa, hawn ħafna ajruplani li jridu jinżlu.

IL-PIRATI:  Kollox sew. Naqblu li nniżżlu l-ajruplan. Nagħmlu konferenza u nitkellmu fuqna biss u mhux kontra xi pajjiż ieħor. 

TORRI TAL-KONTROLL:  Niżżlu l-ajruplan. Ħallu lill-passiġġieri jinżlu. Tinzlu intom waħedkom u jiġu jeskorawkom il-Pulizija. Jekk taqblu ma’ dawn il-kundizzjonijiet inħallu lill-bdot jitkellem bl-Ingliż. 

IL-PIRATI: Kollox sew. Basta ma jidħol ħadd mill-Pulizija fl-ajruplan mallli nillandjaw.

TORRI TAL-KONTROLL: Mintoff ma jarax għaliex meta tinżlu Malta ma jiġux Pulizija bien jipproteġukom biss. 

IL-PIRATI:  Kollox sew. Ninżlu malajr ħafna għax dalwaqt jispiċċa l-fjuwil.

TORRI TAL-KONTROLL: Mintoff irid jitkellem mal-kaptan.

MINTOFF: Aħna qbilna li meta l-ajruplan jinżel, minnu jinżlu l-ewwel il-passiġġieri u mbagħad l-ostaġġi Imbagħad nibgħat il-Pulizija tiegħi biex jipproteġi lill-pirati tal-ajru u mbagħad tinżlu inti (il-kaptan) u l-membri l-oħra tal-ekwipaġġ. 

KAPTAN: Fhimtek kompletament Sir.  Għal darba oħra jien u l-ekwipaġġ nirringrazzjawk għall-kollaborazzjoni sħiħa tiegħek.  Fhimt kompletament il-problema tiegħek mill-mument li int ħadt f’idejk din l-operazzjoni. Grazzi.

BDOT: Niema pożizzjoni tirrikmandali biex fih inwaqqaf l-ajruplan fuq il-mitjar wara li nillandja?

(Hawnhekk fuq din il-frekwenza daħal ajruplan ieħor li ġie mitlub biex jieqaf jittrasmetti minħabba l-hijack)

BDOT: jekk jogħġbok għaġġel għax ma fadallix ħafna fjuwil. Nista’ nibda nieżel?

TORRI TAL-KONTROLL:  Tista’ tibda nieżel. Inti tista’ tillandja fuq ir-runway 24. Meta tillandja se jkun hemm uffiċjal li jurik fein għandek tipparkja l-ajruplan.

L-ajruplan jagħmel l-inżul tiegħu ftit wara u xi 20 minutia wara l-pirati tal-ajru ħelsu lill-passiġġieri u ħallew biss magħhom lill-bdot u lill-isteward. 

MINTOFF: Jekk il-pirati jaqblu jien se nibgħat lil xi ħadd ieħor jiġi ħdejn l-ajruplan u ninżlu ħdejh u nmorru lura kollha. It-tliet pirati tal-ajru, Mintoff u l-ieħor li jkolli miegħi. 

MINTOFF: Intom qbiltu li l-ewwel tibagħtu l-passiġġieri imbagħad jien nibgħat il-Pulizija biex iħarsukom u jeħdukom il-VIP Lounge fein jien inkellimkom personalment. Din hi l-aħjar soluzzjoni. Jien nagħtikom kelma ta’ unur li ma jiġrilkom xejn. 

PIRATI: aħna ma ġejniex hawn b’xi skop politiku jew għal xi ħaġa oħra.  Aħna ħaddiema fil-Libja. Skużana talli għamilna hekk. Aħna diġa ħlisna lil kulħadd, barra l-kaptan u lill-Isteward.

TORRI TAL-KONTROLL: La tinżlu Mintoff se jkellimkom personalment u għada se tkunu tistgħu tagħmlu konferenza stampa

IL-PIRATI:  Aħna nirrispettaw ll Mintoff u nixtiequ nkellmuh.  X’se jkun il-futur tagħna jekk ma nitilqux minn Malta?

TORRI TAL-KONTROLL:  Mintoff se jagħtikom ġimgħa tibqgħu f’Malta u  lest ikellimkom personalment.  Mintoff qalilkom tistgħu tmorru fejn tridu intom basta l-poajjiż li tridu tmorru fih ikun iridkom. 

Ftit ħin wara l-pirati tal-ajru ċedew f’idejn il-Pulizija. 

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport