Il-Ministeru tad-Difiża f’Moska qal li ajruplan tal-gwerra Russu b’mod aċċidentali bbumbardja l-belt ta’ Belgorod, li tinsab qrib il-fruntiera tal-Ukrajna.
Il-Gvernatur Reġjonali Vyacheslav Gladkov qal li l-ispużjoni ħalliet toqba kbira u fonda wiesgħa madwar 20 metru fiċ-ċentru tal-belt.
Tliet persuni weġġgħu u diversi binjiet oħra ġġarrfu konsegwenza ta’ dan il-bumbardament. Il-Ministeru qal li l-Su-34 figher-bomber jet, b’mod aċċidentali kien waqqa’ bomba f’din il-belt.
Il-bomba waqgħet fl-10.15 p.m (ħin lokali) matul il-jum tal-bieraħ. Din niżlet f’intersezzjoni ta’ żewġ toroq mhux bogħod wisq miċ-ċentru tal-belt u ħdejn bini residenzjali.
Żewġ nisa kelljhom jittieħdu l-isptar għall-kura filwaqt li blokka ta’ appartamenti ta’ disa’ sulari ġiet evakwata minħabba ħsarat potenzjali fl-istruttura.
B’rabta ma’ dan il-każ, għaddejja wkoll investigazzjoni.