Grupp ta’ akkademiċi mill-Università ta’ Malta u professjonisti mill-qasam mediku mill-Isptar Mater Dei jappoġġaw il-bidliet proposti mill-Gvern fil-liġi tad-donazzjoni tal-organi f’Malta, sakemm jinżammu b’reqqa s-salvagwardji etiċi.
F’position paper li twieġeb għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-emendi proposti fl-Att dwar id-Donazzjoni ta’ Organi, Tessuti u Ċelloli Umani, il-grupp jilqa’ l-emendi li jestendu l-qafas legali attwali ta’ Malta – li bħalissa jippermetti biss id-donazzjoni tal-organi wara dikjarazzjoni tal-mewt tal-moħħ – sabiex jinkludi wkoll id-donazzjoni bi kriterji ta’ dikjarazzjoni ta’ mewta ċirkolatorja (meta l-qalb tieqaf tħabbat għal dejjem).
Madankollu, l-awturi semmew diversi rekwiżiti etiċi essenzjali, fosthom in-natura volontarja tad-donazzjoni, li tiġi kompletament rispettata r-regola tad-donatur mejjet, u ssir separazzjoni ċara bejn id-deċiżjonijiet ta’ tmiem il-ħajja u l-akkwist tal-organi. Saħqu wkoll li l-kunsens għandu dejjem jinkiseb mingħand il-pazjenti jew l-eqreb qraba tagħhom.
Id-donazzjoni wara l-mewt ċirkolatorja diġà hija prattikata f’għadd ta’ pajjiżi u din ġa wriet li żiedet id-donazzjoni tal-organi b’50 fil-mija. F’Malta, fejn kien hemm aktar minn 90 pazjent qed jistennew trapjant tal-kliewi sal-aħħar tal-2025, il-gruppi jistqarru li l-bidliet proposti jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti l-aċċess għal trapjanti li jsalvaw il-ħajja.
Il-position paper tiffoka fuq id-donazzjoni wara mewta ċirkolatorja b’mod kontrollat u tapplika għall-pazjenti morda b’mod kritiku li ma jilħqux il-kriterji għall-mewt tal-moħħ u jmutu kif jitwaqqaf it-trattament mediku li jkun bla ebda benifiċċju għall-pazjent għax sar inutli u straordinarju u għalhekk ikun qed itawwal il-ħajja bla bżonn. Il-mewt għandha tiġi ddikjarata biss wara perjodu obbligatorju ta’ osservazzjoni “bla kuntatt” biex tiġi żgurata ċ-ċertezza medika u etika.
L-awturi – li jinkludu grupp ta’ akkademiċi fil-filosofija, l-etika, u t-teoloġija kif ukoll speċjalisti fil-kura intensiva, in-nefroloġija, u n-newroxjenzi – jenfasizzaw ukoll li deċiżjonijiet dwar il-kura fi tmiem il-ħajja jridu dejjem jittieħdu biss fl-aħjar interessi tal-pazjent u ma jridu qatt jiġu influwenzati mill-possibilità li l-organi jingħataw għal donazzjoni.
Huma jinsistu li t-tobba responsabbli mill-kura fi tmiem il-ħajja tal-pazjenti jridu jibqgħu separati minn dawk responsabbli mill-akkwist tal-organi, u l-ebda donazzjoni ma tista’ sseħħ mingħajr kunsens ċar u infurmat.
Il-grupp jemmen li l-emendi proposti huma moralment permissibbli u soċjalment siewja b’dawn is-salvagwardji etiċi, legali, u proċedurali robusti fis-seħħ. Huma joffru mod responsabbli sabiex tiżdied id-disponibbiltà tal-organi, waqt li tiġi rispettata d-dinjità tad-donaturi u tinżamm il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema tat-trapjanti f’Malta.

