L-Awtorità tad-Djar ser tniedi skema ta’ sussidju tal-kera għall-vittmi tal-vjolenza domestika li jkunu għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni.
Id-dettalji ta’ din l-iskema ġdida tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Familja u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Affordabbli Roderick Galdes, u s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li l-għan ewlieni tal-iskema huwa li jingħata appoġġ lill-vittmi tal-vjolenza domestika għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni li minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ jeħtieġ li jsibu akkommodazzjoni alternattiva u m’għandhomx il-mezzi finanzjarji biex jagħmlu dan. Rebecca Buttigieg qalet li din l-iskema għandha tkun il-legat ewlieni tas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika li qed tkun imfakkra f’dawn il-jiem b’diversi inizjattivi.
L-iskema ser titħaddem bl-akbar trasparenza tant li l-applikazzjoni għal vittmi trid issir mis-social workers tal-FSWS li jkun għamlu evalwazzjoni dettaljat ta’ każijiet li jistgħu jikkwalifikaw għal din l-għajnuna.
Is-sussidju tal-gvern fuq il-kirjiet f’din l-iskema ser ivarja minn €850 fix-xahar għal persuni singoli sa €1300 fix-xahar għal persuni li jkollhom dipendenti magħhom fosthom tfal. Din l-għajnuna ser tilħaq bejn aktar minn €10,000 sa €15,600 fis-sena għal kull familja.
L-evalwazzjoni tal-applikanti ser isir fuq sett ta’ sitt kriterji b’sistema tal-punteġġ biex ikun assigurat li din l-għajnuna tingħata lil min ħaqqu għaliex ikun f’sitwazzjoni vulnerabbli u jkun essenzjali li jitbiegħed mil-periklu tal-vjolenza domestika.

Din l-inizjattiva ġiet disinjata għal persuni li minħabba li jkunu għaddejjin bil-kawża tas-separazzjoni ma jistgħux jikkwalifikaw għal skemi oħrajn ta’ housing soċjali minkejja li huma f’sitwazzjoni vulnerabbli.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon tkellem dwar l-impenn soċjali kontinwu tal-Gvern. Dan sabiex jara illi dawn il-vittmi mhux biss jingħataw post sigur fejn jgħixu, iżda aktar minn hekk sapport ħolistiku lill-familja kollha.
“Irridu nħarsu lejn l-umanità tal-vittmi u wisq aktar lit-tfal li jkunu esposti għal dan l-ambjent. Dak li qed inħabbru llum, hija ħolqa oħra f’din il-katina soċjali li tant nemmnu fiha, li ser tkompli tagħti wens, stabbiltà u serħan il-moħħ lill-vittmi u l-familjari tagħhom,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes ħabbar li għas-sena d-dieħla hemm miljun ewro vvutati bħala appoġġ finanzjarju lill-vittmi tal-vjolenza domestika li jkunu qed ifittxu akkomodazzjoni waqt proċeduri ta’ separazzjoni biex ikunu ’l bogħod minn min abbuża minnhom. L-iskema, li se titħaddem mill-Awtorità tad-Djar, tixbah ħafna l-Housing Benefit Scheme iżda tagħti sussidji ogħla fejn jidħol ħlas ta’ kirjiet.
Il-Ministru Galdes qal li s-sussidji jvarjaw minn €850 sa €1,300 fix-xahar skont id-dħul finanzjarju u d-daqs tal-familja tal-vittma.
Huwa kkonferma li l-Awtorità tad-Djar se tibqa’ tassisti għaqdiet mhux governattivi li jipprovdu saqaf temporanju għal vittmi tal-vjolenza domestika.


