Raġel tressaq il-Qorti f’Old Bailey fl-Ingilterra akkużat li stupra tifla ta’ 14-il sena 38 sena ilu. Barry George, ta’ 65 sena, minn Cork fir-Repubblika tal-Irlanda, qed jiffaċċja wkoll akkużi oħra ta’ aggressjoni indiċenti kontra l-istess tifla, li ma tistax tiġi identifikata.
Il-każi allegatament seħħew fiż-żona ta’ Hammersmith u Fulham fil-punent ta’ Londra bejn is-6 u t-12 ta’ Settembru 1987.
Nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa l-oħra, l-akkużat deher f’Old Bailey permezz ta’ video-link minn Dublin għal seduta ta’ ammissjoni ta’ akkuża u preżentazzjoni tal-każ. Huwa tkellem biss biex jikkonferma ismu u d-data tat-twelid tiegħu. L-Imħallef Mark Lucraft aċċetta t-talba biex is-smigħ tal-ammissjoni tal-ħtija jiġi pospost bi 12-il ġimgħa sat-13 ta’ Frar.
L-imħallef qal li George seta’ jattendi għal dak is-smigħ permezz ta’ videolink mill-ġdid u tah il-libertà proviżorja mingħajr kundizzjonijiet.
L-avukat tal-prosekuzzjoni Kate Bex ressqet talba biex iżżid akkuża oħra ta’ attentat ta’ stupru bħala alternattiva għall-akkuża ta’ stupru.


