Friday, December 27, 2024

Akkużat li ħasel €110,000 tal-Fondazzjoni Wens

Aqra wkoll

Raġel ta’ 49 sena mill-Madliena dalgħodu tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li b’użu ħażin ta’ aktar minn €110,000 minn fondazzjoni ta’ karità, Wens Foundation. Hu kien akkużat ukol li ffalsifika rċevuti fost akkużi oħrajn.

Meta tressaq b’arrest quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana ġie mistoqsi x’jaħdem, fejn hu wieġeb li kien se jibda jaħdem ma’ kumpanija tal-investiment fl-istess post fejn taħdem il-mara tiegħu.

Ir-raġel tressaq mill-Ispettur Hubert Cini flimkien ma’ Marthese Ellul Grech u Ramon Bonett Sladden avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Fil-Qorti huma qalu li dan il-ħasil ta’ flus seħħ bejn Marzu u Novembru tal-2018.

Permezz tal-avukat tad-difiża Martin Fenech ir-raġel wieġeb mhux ħati filwaqt li saret talba għall-ħelsien mill-arrest. L-avukat qal li l-klijent tiegħu kien jgħix, jaħdem u għandu negozju f’Malta allura ma hemm l-ebda biża’ li hu jaħrab mill-pajjiż.

Min-naħa tal-Prosekuzzjoni qalet li hi ma ssibx oġġezzjoni li hu jingħata l-ħelsien sakemm ikun hemm kundizzjonijiet stretti mposti fuqu.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa kif ukoll li jidħol id-dar f’ħin stipulat. Hu ġie ordnat iħallas depożitu ta’ €8000, kif ukoll jagħmel garanzija personali ta’ €30,000. Il-Qorti ordnat li l-assi tiegħu kollha jiġu ffriżati.

Ekonomija

Sport