Raġel ta’ 58 sena minn Birżebbuġa ġie akkużat li hedded lil omm ibnu li kien se “jċartilha lil wieħed miż-żewġt uliedha u wara jdur għaliha”.
L-allegat vittma qalet lill-Pulizija li din ma kinitx l-ewwel darba li r-raġel heddidha. Waqt li l-Prosekuzzjoni kienet qiegħda tippreżenta l-każ quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace qalet li l-akkużat għandu tliet ordnijiet ta’ protezzjoni fil-konfrontt tal-vittma, u hu ċar li dawn mhux qiegħed isegwihom.
Fil-Qorti ntqal li din id-darba r-raġel bagħat diversi messaġġi ta’ insulti u theddid fosthom li kien se “jċarrat lil wieħed miż-żewġ ulied il-mara u jdur għaliha”.
L-akkużat ċaħda l-akkużi kollha kontrih filwaqt li d-difiża mexxija mil-avukat Marija Sarah Vella Gafà talbet għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba fejn qalet li n-natura tal-akkużi fosthom il-ksur ta’ tliet ordnijiet ta’ protezzjoni filwaqt li aċċennat li l-mara qed tiġi ppersegwitata kontinwament minn missier binha.
Min-naħa tagħha d-difiża qalet li kienet il-mara li baqgħet tavviċinah u anke tmur quddiem ir-residenza tiegħu biex itih lil ibnu. L-Avukata difensur qalet li r-raġel kien irraporta dan kolu lit-Taqsima ta’ Kontra l-Vjolenza Domestika, u allega li l-mara meta jfettillha jkollha relazzjoni tajba miegħu u anki tidħol f’daru meta jkun imissu l-aċċess.
Il-Qorti wara li semgħet liż-żewġ naħat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar, għall-akkużat l-Avukat Ishmael Psaila waqt li għall-vittma dehret l-Avukat Lara Dimitrijevic.