Raġel ta’ 39 sena residenti r-Rabat Malta, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti u wieġeb mhux ħati li ġebb għas-sieħba tiegħu.
Kienet l-istess allegat vittma li talbet lill-Qorti biex hu ma jinżamx arrestat għax riedet il-familja magħquda għal żmien il-Milied. L-allegat vittma talbet lill-Qorti li riedet twaqqa’ l-każ.
Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Abigail Critien li l-vittma kienet marret tagħmel rapport l-għassa li ġiet mhedda mis-sieħeb tagħha. Il-Ħaddiema Soċjali għamlu risk assessment li rriżulta li kien hemm riskju għoli għal vittma.
Meta imbgħad il-Pulizija marru biex jarrtaw lir-raġel, il-vittma qaltilhom li tixtieq twaqqaf il-proċeduri u taħfirli, iżda l-pulizija xorta waħda arrestawh.
L-allegat vittma talbet li tixhed fl-awla fejn qalet li riedet twaqqa l-każ u taħfirlu għax ma riditix li l-familja tkun mifruda għal żmien il-Milied. Qalet li binhom li għandu 4 snin kien iddispjaċut ħafna li missieru ma kienx id-dar u għalhekk talbet lill-Maġistrat biex tordna l-ħelsien tiegħu.
Min-naħa tagħha l-Qorti staqsiet lill-allegat vittma jekk tridx aktar ħin biex taħsibha, u l-istess vittma qalet li trid titkellem mal-avulkati tagħha. Il-Maġistrat ipposponiet id-deċiżjoni tagħha dwar il-ħelsien mill-arrest biex il-parte civile jkollha ċ-ċans li terġa’ taħsibha.
Id-difiża min-naħa tagħha talbet ukoll li jingħata l-ħelsien mill-arrest fejn qalet li l-akkużat għandu xogħol stabbli. Il-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx u ssuġġeriet li l-akkużat jgħix f’residenza alternattiva.
Il-Maġistrat Critien tatu l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000.
L-allegat vittma hekk kif semgħet lill-Maġistrat li l-akkużat kien qiegħed jingħata l-ħelsien mill-arrest infaqgħet tibki u qalet li kien qiegħed jiddispjaċiha li kienet reġgħet ikkonsidrat it-talba tagħha li hu jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Antonello Magri waqt li għall-akkużat qed jidher l-Avukat Victor Bugeja.