Saturday, December 21, 2024

Akkużat li tajjar żewġ persuni f’Paceville… jingħata l-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Shawn Farrugia ta’ 25 sena residenti San Ġwann tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Nadia-Helena Vella fejn ġie akkużat b’hit-and-run liema każ seħħ is-Sibt filgħodu kmieni.

Hu kien akkużat li weġġa’ gravi mara u anke kkaġuna ġrieħi ftit lill-raġel ieħor. Meta ntlaqtu mill-karozza huma kienu mexjin fi Triq Dragunara f’Paceville. Il-Prosekuzzjoni qalet li Farrugia allegatament kien qiegħed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Għal dawn l-akkużi, Farrugia li fuq wiċċu kellu xi ġrieħi wieġeb mhux ħati.

Il-prosekuzzjoni li tmexxiet mill-Ispettur Darryl Farr u Martina Muscat mill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali, informaw lill-Qorti li fil-bidu tal-proċeduri hu kien qiegħed jiġi assistin minn żewġ avukati Mark Vassallo u Shawn Zammit. L-Ispettur qal li Zammit kien qiegħed jassistih ukoll waqt l-interrogazzjoni, iżda dalgħodu informah li mhux se jibqa’ jirrappreżenta lil Farrugia.

Kien għalhekk li l-Qorti ħatret avukat tal-għajnuna legali, Anthony Mifsud Cutajar li kien qiegħed jidher għall-akkużat illum fil-qorti. L-Avukat Mifsud Cutajar għamilha ċara li kien qiegħed jassisti lill-akkużat għal lum biss.

Intant, il-Prosekuzzjoni qalet li 4 persuni kienu mexjin għall-ħabta tal-3.30am fi Triq Dragunara meta karozza li kienet qiegħda tinsaq warajhom f’daqqa waħda għafse il-gass u tajret tejn minnhom.

Il-vittmi qalu lill-pulizija li l-karozza kienet Toyota bajda filwaqt li persuna oħra li kienet fuq il-post qalet in-numri tal-pjanċa tal-karozza lill-istess pulizija.

Kien hawn li l-pulizija bdiet tfittxija għal Farrugia. Il-Prosekuzzjoni qalet li hekk kif sabuh, kien mimli demm u allega li l-karozza tiegħu kienu insterqet. Hu allega li kien għadu kemm ġie msawwat f’Paceville.

L-Avukat tal-għajnuna legali għamel talba għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa minħabba li jekk jinstab ħati jista’ jeħel 7 snin ħabs.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lir-raġel fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €3,000. Hu ġie ordnat li jiffirma l-għassa kuljum u fl-ebda ħin ma jitkellem max-xhieda.

Ekonomija

Sport