Sunday, November 24, 2024

Akkużata bil-qtil ta’ sebat itrabi fir-Renju Unit … tgħid li kienet sfortuna li mietu tlieta minnhom waqt ix-shift tagħha

Aqra wkoll

Infermiera Ingliża li hija suspettata bil-qtil ta’ sebat itrabi fir-Renju Unit, qalet li kienet “sfortuna” li mietu tlett itrabi waqt ix-shift tagħha f’temp ta’ ġimagħtejn.

Lucy Letby, mara ta’ 33 sena minn Hereford, l-Ingilterra, qed tiġi akkużata li qatlet sebat itrabi u li pruvat toqtol għaxra oħra waqt li kienet stazzjonata fit-taqsima tat-trabi tat-twelid bejn Ġunju tal-2015 u Ġunju tal-2016.

Hija ġiet avviċinata għall-ewwel darba mill-Pulizija dwar l-imwiet tat-trabi fl-isptar ta’ Chester f’Ġunju tal-2015, sakemm imbagħad ġiet arrestata tliet snin wara.

Waqt is-smigħ tal-każ tagħha li nstema’ lbieraħ, meta mistoqsija jekk hi jew il-kollegi tagħha qattx staqsew x’kienet ir-raġuni li qed tikkawża dawn l-imwiet kollha tat-trabi, il-Qorti ta’ Manchester semgħet kif Letby qatt ma staqsiet dwar dan u li sa fejn taf hi ħadd mill-kollegi tagħha qatt ma staqsew xejn. Hija qalet li qatt ma għokritha għajnha minn xi ħadd dwar dawn il-każi tal-imwiet u għalhekk ħasset li ma kienx hemm lok għalfejn jinżergħu xi dubji. “Din kienet ħasda kbira għal kulħadd,” sostniet Letby. Hija attribwiet dawn l-imwiet bħala “sfortuna”.

Fi stqarrija li kienet tat lill-Pulizija, hija kienet qaltilhom li nhar it-13 ta’ Ġunju tal-2015, l-istess lejl li fih allegatament iddeterjorat bla mistenni s-saħħa tat-tielet vittma tagħha, hija kienet qed tħossha mdejqa u frustrata. Dwar dan il-Qorti semgħet kif ħamest ijiem qabel ma mietet din it-tarbija, kienet mietet tarbija oħra — allegatament l-ewwel vittma tagħha — fil-kamra numru 1 tat-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Intqal ukoll li Letby, fl-istess lejl tat-13 ta’ Ġunju 2015, propju sitt minuti qabel ma qalbet għall-agħar it-tarbija, bdiet tibgħat xi messaġġi bil-mowbajl lil waħda mill-kollegi tagħha fejn qaltilha li għadha taħseb fuq dik it-tarbija li mietet f’kamra numru 1 u li xtaqet tmur f’dik il-kamra: “Għandi bżonn immur f’kamra numru 1 biex inneħħi dik l-istampa kerha minn moħħi; qed nitqatta’ minn ġewwa f’kamra numru 3 … kulma qed nara bħalissa huwa lil dik it-tarbija li mietet f’kamra numru 1”.

Il-Qorti kompliet tisma’ li fil-11:15 p.m. tal-istess lejl, it-tarbija tal-kamra numru 1 bla mistenni qelbet għall-agħar u l-għada filgħodu nstabet mejta. Meta Letby ġiet avviċinata mill-Pulizija b’rabta mal-mewt tat-tarbija, hija qalet li ma tiftakarx li kellha xi konverżazzjoni bil-mowbajl f’dak il-lejl.

Letby ammettiet li dakinhar tal-mewt ta’ din it-tielet tarbija, hija kienet l-unika membru mit-tim mediku li kienet fil-kamra numru 1 u li kienet maġenbha meta daqq l-alarm tal-moniter tat-tarbija. Hija ammettiet ukoll li f’dak il-ħin kienet imdejqa u frustrata, però, madanakollu, ċaħdet li hi setgħet attakkat jew waslet biex toqtol lit-tarbija.

Letby ċaħdet l-akkużi kollha miġjuba kontriha.

Il-ġuri mistenni jkompli nhar it-Tlieta li ġej.

Sport