Sunday, November 24, 2024

Akkużata li qatlet lil sid il-kera u li qalgħet il-flus minn residenzi li kriet f’ismu fl-Istati Uniti

Aqra wkoll

Mara fl-Istati Uniti qed tiġi mixlija li qatlet lill-propretarju li kienet tikri mingħandu u li ħbiet il-katavru tiegħu. Hija qed tkun akkużata wkoll li tefgħet ir-residenza tiegħu għall-kiri u baqgħet iddaħħal il-flus mill-kirjiet ta’ residenzi oħra.

Pamela Ann Merritt, ta’ 43 sena, ġiet arrestata mill-Pulizija iktar minn sentejn wara minn meta saru diversi rapport l-għassa minn persuni li kienu jafu lill-vittma. Dan intqal mid-Dipartiment tal-Pulizija ta’ Houston, f’Texas, nhar it-Tlieta li għadda.

Bosta persuni li kienu jafu lil Colin Kerdachi, anzjan ta’ 78 sena, lura fi Frar tal-2021 qalu lill-awtoritajiet li kienu ilhom ma jilmħuh xi mkien. Huma komplew ifissru li l-aħħar li ltaqgħu miegħu kien qabel m’għamlet kesħa estrema li kienet ikkawżat qtugħ fil-provvista tal-elettriku.

Persuna partikolari li kienet tikri residenza mingħand il-vittma qalet li f’okkażjoni minnhom l-imputata qaltilha li qatlet lil Kerdachi u li wara dan l-episodju kienet qattgħet xi żmien fi sptar psikjatriku.

F’Ottubru tal-2021, Merritt ġiet rilaxxata u rritornat id-dar. Persuna oħra qalet mal-Pulizija li hi bdiet tgħaddi l-kera lil Merritt u lill-għarus tagħha, ċertu Michael Brown. Hija żiedet tgħid li kienet sabet sikkina bit-traċċi tad-demm f’kaxxa tal-ittri (letter box) kif ukoll lemħet saqqu mtebba’ bid-dmija fil-kamra tal-banju. L-istess persuna qalet li meta affaċċjat lil Merritt, din tal-aħħar qaltilha illi Kerdachi kien waqa’ u ntlaqat minn oġġett jaqta’ u li hi kienet ħaditu l-isptar, però, sfortunatament miet ftit tal-ħin wara.

Madwar xahrejn wara, f’Diċembru tal-2021, din l-istess persuna infurmat lill-Pulizija li sabet xi fdalijiet ta’ katavru. Meta marru fuq il-post, il-Pulizija sabu li l-ġisem kien fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni. L-imputata, meta ġiet mitkellma mill-Pulizija, hija qalet li l-fdalijiet huma ta’ kelb. Però, riżultati forensiċi maħruġa mill-Harris County Institute of Forensic Sciences stabbilixxew li l-fdalijiet huma ta’ Kerdachi.

Meta nħarġu l-akkużi fil-konfront ta’ Merritt, il-Pulizija għamlu madwar ħames xhur jippruvaw isibuha. Il-Ġimgħa li għaddiet irnexxielhom jarrestawha.

Sport