Thursday, December 26, 2024

Akkużi ta’ sataniżmu u kannibaliżmu waqt il-kampanja elettorali fil-Brażil

Aqra wkoll

Il-korruzzjoni, il-mod kif kienet iffaċċjata l-pandemija tal-Covid, deforestazzjoni, u anke kannibaliżmu u s-sataniżmu kienu l-iktar fost l-akkużi li għamlu lil xulxin iż-żewġ kandidati  għall-elezzjoni presidenzjali tal-Brażil.

F’din l-elezzjoni, Luiz Inácio Lula da Silva rnexxielu jsir President tal-pajjiż għat-tieni darba wara li għeleb lill-President attwali Jair Bolsonaro f’run-off tat-tieni round nhar il-Ħadd li għadda. Huwa u se jieħu l-kariga fl-1 ta’ Jannar li ġej.

Matul il-kampanja, xi wħud mil-linji ewlenin ta’ attakk għaż-żewġ kandidati  kienu s-sataniżmu u kannibaliżmu.

Bolsonaro u Lula, li t-tnejn huma Kattoliċi ferventi, fittxew l-appoġġ tal-votanti Kristjani evanġeliċi, li jiffurmaw kważi terz tal-popolazzjoni tal-Brażil.

Madankollu, l-istrateġiji tagħhom kienu mimlija diżinformazzjoni reliġjuża.

Eżempju wieħed ta’ dan huwa filmat li tqassam minn tnejn minn ulied Bolsonaro u politiċi oħra, ta’ persuna jiddeskrivi lilu nnifsu bħala Satanist waqt li  kien qed jiddikjara l-appoġġ tiegħu għal Lula.

Il-filmat intwera fil-midja soċjali flimkien ma’ messaġġi li kienu jgħidu li l-Brażil se jkun qed jitmexxa “riskju spiritwali” jekk Lula jiġi elett. It-tim tal-kampanja ta’ Lula ċaħad kull involviment fil-qima tax-xitan u l-filmat ġie pprojbit mill-Qorti Elettorali, il-korp li jissorvelja l-elezzjoni.

Sadanittant, it-tim tal-kampanja ta’ Lula xandar intervista li Bolsonaro ta fl-2016 lin-New York Times li fiha kien qal li huwa żar komunità indiġena fil-Brażil li allegatament kienet qed isajjar persuna mejta u li huwa kien qal li ma jkollu l-ebda problemi biex jiekol laħam uman. Saħansitra t-tim tal-kampanja ta Lula pproduċa filmat ta’ l-istess l-intervista tal-2016 u sejjaħ lil Bolsonaru mostruż meta zvela li kien jiekol laħam uman.”

Mexxejja tal-poplu Yanomami, il-grupp indiġenu li Bolsonaro kien qed jirreferi għalih sostnew li ma jipprattikawx il-kannibaliżmu.

Il-kampanja elettorali inkludiet ukoll il-ħarsien tal-foresti tropikali tal-Amażonja li għandha rwol vitali dinji fl-assorbiment tad-dijossidu tal-karbonju li jagħmel il-ħsara kbira lill-ambjent u lis-saħħa tan-nies. Madwar 60% tal-Amażonja tinsab fil-Brażil.

Kemm Bolsonaro kif ukoll Lula sostnew li għandhom rekord aħjar fil-protezzjoni tal-Amażonja.

Waqt dibattitu presidenzjali dirett f’Ottubru li għadda, Lula waqt li qal li l-gvern tiegħu kellu l-inqas deforestazzjoni fl-Amażonja, ikkritika lil Bolsonaro illi fi żmienu ta’ kull sena saret l-ogħla deforestazzjoni fl-Amażonja.

Fil-verita, l-ammont ta ‘deforestazzjoni matul l-ewwel tliet snin tal-gvern ta’ Bolsonaro huwa ferm inqas milli fl-istess perjodu taħt Lula, skont l-Istitut Nazzjonali għar-Riċerka Spazjali.

Il-korruzzjoni kienet ukoll tema ċentrali fil-kampanja.

Bolsonaro enfasizza skandlu kbir ta’ korruzzjoni, li beda matul il-perjodu preċedenti ta’ Lula bħala president, meta nsterqu biljuni ta’ dollari f’tixħim u kuntratti taż-żejt bi prezz eċċessiv marbutin mal-kumpanija taż-żejt immexxija mill-istat, Petrobras.

Lula kien instab ħati ta’ involviment u fl-2017 intbagħat il-ħabs. Il-kundanna tiegħu iżda ġiet annullata s-sena l-oħra u b’hekk huwa seta jikkontesta f’din l-elezzjoni.

Min-naħa tiegħu, Lula pponta subgħajh lejn Bolsonaro talli ppermetta l-korruzzjoni, u akkużah li tilef il-kontroll tal-finanzi tal-pajjiż. B’dan kien qed jirreferi għal “baġit sigriet” inkluż fil-liġi tal-baġit li għaddiet fl-2019, li tippermetti li l-fondi pubbliċi jintefqu minn leġiżlaturi federali b’sorveljanza limitata.

F’Novembru 2019, Bolsonaro għamel veto għall-mekkaniżmu l-ġdid inkluż fil-baġit. Xahar wara, madankollu, il-presidenza stess bagħtet lill-Kungress abbozz ta’ liġi ġdid propost, inkluż il-mekkaniżmu “sigriet” fi ħdanu, u ġie approvat.

Bruno Brandão, direttur eżekuttiv tal-kapitolu nazzjonali Brażiljan ta Transparency International jgħid li hija korruzzjoni istituzzjonalizzata li tixtri l-Kungress billi tuża l-baġit tal-pajjiż. Jirrimarka wkoll li investigazzjonijiet mill-istampa u l-pulizija wrew li hemm skemi ta’ frodi mifruxa involuti fl-applikazzjoni ta’ dawn il-fondi pubbliċi.

Ekonomija

Sport