Sunday, December 22, 2024

Aktar armamenti lill-Ukrajna mill-Ġermanja u r-Renju Unit

Aqra wkoll

Wara xhur ta’ titubar u nofs qalb dwar jekk għandhiex tgħin lill-Ukrajna b’armamenti biex tkompli tilqa’ għall-invażjoni Russa, il-Ġermanja fl-aħħar bagħtet 18-il tank tal-gwerra tat-tip Leopard 2 lejn l-Ukrajna. Huma meqjusa bħala fost l-aqwa tankijiet tal-battalja prodotti mill-pajjiżi tan-NATO.

Il-Leopard 2, li huma tankijiet tal-battalja avvanzati ħafna u meqjusa fost l-aqwa li hawn bħalissa, ġew ikkunsinnati wara li ekwipaġġi Ukreni ngħataw taħriġ fil-Ġermanja dwar kif jużawhom.

Il-Ministru tad-Difiża Ġermaniż, Boris Pistorius, esprima ċ-ċertezza li dawn it-tankijiet jistgħu “jagħtu kontribut deċiżiv” fuq il-front tal-battalja. Fl-aħħar jiem waslu wkoll fl-Ukrajna tankijiet Challenger 2 mir-Renju Unit.

Il-Ġermanja qablet li tforni t-tankijiet lill-Ukrajna f’Jannar li għadda, wara li fil-bidu esprimiet reżistenza li tagħmel dan. Saħansitra kienet ukoll ipprojbiet lil pajjiżi oħra milli jibagħtu minn dawn it-tankijiet tagħhom stess lill-Ukrajna. Skont il-liġi Ġermaniża, Berlin irid japprova jekk Leopard 2 jiġux ri-esportati mill-ġdid minn kwalunkwe pajjiż.

It-tankijiet li ntbagħtu lejn l-Ukrajna ġew iddisinjati apposta biex jikkompetu mat-tankijiet tal-battalja Russi T-90, u huma meqjusa li huma aktar faċli biex jinżammu u aktar effiċjenti fil-fuel mill-biċċa l-kbira tat-tankijiet l-oħra tal-Punent.

Minbarra l-Leopard 2s, il-Ġermanja bagħtet ukoll lill-Ukrajna żewġ vetturi speċjalizzati u 40 vettura tal-ġlied tal-infanterija.

Ekonomija

Sport