Monday, October 21, 2024

Aktar avventuri ambjentati fin-Naxxar mis-sensiela ta’ kotba għat-tfal “Is-Sħaħar ta’ Petut”

Aqra wkoll

Is-sensiela ta’ kotba għat-tfal “Is-Sħaħar ta’ Petut”, magħrufa għat-taħlita mħawra ta’ sħarijiet, ħbiberiji u rivalitajiet fil-qalba tan-Naxxar, se tissokta ssaħħar lit-tfal Maltin b’aktar avventuri. Mill-pinna tal-awtriċi maħbuba Clare Azzopardi, wasal it-tielet ktieb fis-sensiela, ippubblikat minn Merlin Publishers bl-isem “Troffa Xagħar”. Iżda, dan ma ġiex waħdu… Miegħu wasal ukoll il-lupu l-kattiv.


Fi “Troffa Xagħar” l-istorja ssegwi lis-saħħara l-ħażina Minċott, li għandha rabja kbira għas-saħħara ċkejkna Pinzett u l-ħabib tagħha Sam wara li qabdithom jissindikawlha. Biex tpattihielhom din tkewwes taħlita maġika li biha ssejjaħ lil-lupu l-aħmar, kreatura kattiva magħrufa li tikkaċċja t-tfal.

Is-serje “Is-Sħaħar ta’ Petut”, li bdiet bil-ktieb Għand Rebus Totall, mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni ta’ ħafna qarrejja, grazzi għall-plott intriganti, karattri relatabbli u ċertament għall-fatt li huwa ambjentat f’nofs Malta, sewwa sew fin-Naxxar. It-tieni ktieb “Il-Wied tal-Lupu l-Aħmar” kompla jesplora r-rivalità antika bejn iż-żewġ familji ta’ sħaħar Naxxarin, it-twajba Ta’ Petut u l-infamja Ta’ Totall. 


Is-serje “Is-Sħaħar ta’ Petut” hija maħsuba għal tfal minn seba’ snin ’il fuq li qegħdin jidraw jaqraw waħedhom bil-Malti. Għal dan il-għan il-kotba għandhom l-istejjer imqassmin f’kapitli qosra, tipa kbira u faċli biex taqraha, qoxra flessibbli u daqs ideali għal par idejn żgħar. 

Il-prezz għal kull wieħed huwa ta’ €5.95 u l-offerta tas-sajf 3for2 tapplika.

Sport