Sunday, November 24, 2024

Aktar diżgwid bejn l-Ungerija u l-Unjoni Ewropea

Aqra wkoll

Il-Kap tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea, Josep Borell, neħħa d-dritt tal-Ungerija li tospita l-laqgħa li jmiss tal-ministri tal-affarijiet barranin u tad-difiża minħabba l-pożizzjoni tagħha dwar il-gwerra fl-Ukrajna. Tant li l-laqgħa li l-Prim Ministru Viktor Orban kellu ma’ Vladimir Putin f’Moska aktar kmieni dan ix-xahar ħolqot rabja kbira fl-UE.

Din is-sitwazzjoni żvolġiet ġimgħat wara li l-Ungerija assumiet il-presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, rwol li matulu normalment tospita l-laqgħat tal-kunsill tal-ministri Ewropew.

Josep Borrell saħansitra sostna li l-azzjonijiet tal-Ungerija ma jistgħux jitħallew għaddejjin mingħajr ma jkollhom konsegwenzi. Iżda l-Ungerija ddeskriviet il-mossa ta’ Borell bħala kompletament infantili.
Il-presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tinbidel b’rotazzjoni kull sitt xhur. Taħt kull presidenza ġdida tal-kunsill, il-ministri tal-affarijiet barranin u tad-difiża tal-UE jorganizzaw laqgħat informali biex jiddiskutu l-akbar kwistjonijiet globali li jiffaċċja l-blokk ta’ 27 stat membri.

Is-sett ta’ laqgħat li jmiss se jsiru bejn it-28 u 30 ta’ Awwissu u minflok f’Budapest fejn kellhom isiru, nhar it-Tnejn Borrell ħabbar li se jsiru fi Brussell.

Filwaqt li kkwota kummenti li saru wara l-laqgħa ma’ Putin li fiha l-prim ministru Ungeriż Victor Orban akkuża lill-UE li għandha “politika favur il-gwerra”, Borrell qal lill-ġurnalisti li jekk xi ħadd irid jitkellem dwar il-partit tal-gwerra, għandu jitkellem dwar Putin.

L-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, b’eċċezzjoni waħda, huma kritiċi ħafna dwar l-imġieba tal-Prim Ministtru Ungeriż, Victor Orban. Mis-26 pajjiż tal-UE, is-Slovakkja biss appoġġat lill-Ungerija.
Madankollu, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Lussemburgu Xavier Bettel, qal mal-ġurnalisti li kien se jmur Budapest għax bojkott ma jagħmilx sens. Bettel ħass li kien aħjar li l-UE tiddjaloga u tgħid lill-Ungeriżi li ma kinitx kuntenta bl-azzjonijiet tagħha.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Pollakk Radoslaw Sikorski ippropona li l-laqgħa ta’ Awwissu ssir fil-Punent tal-Ukrajna, iżda dik l-idea ġiet imblukkata mill-Ungerija.

Meta rreaġixxa għad-deċiżjoni ta’ Borrell, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ungeriż Peter Szijjarto filwaqt li kiteb fuq Facebook li ma jrid iweġġa’ s-sentimenti ta’ ħadd, qal li jħossu qisu qiegħed fil-kindergarten.

Il-laqgħa ta’ Orban ma’ Vladimir Putin saret bħala parti minn dik li Orban stess iddeskriva bħala missjoni ta’ paċi imnedija jiem wara li l-Ungerija assumiet il-presidenza tal-kunsill.

Il-vjaġġ ta’ Orban lejn l-Ukrajna, iċ-Ċna u l-Istati Uniti fejn iltaqa ma’ Donald Trump, qanqal kundanna mill-mexxejja madwar l-UE, bil-Kap tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ssejjaħ dawn iż-żjarat bħala “xejn ħlief missjoni biex tagħti lin-nies dak li jridu sabiex ma jkunux kontrik jew ikunu rrabjati għalik”.

Viktor Orban jingħad li m’għandu l-ebda pjan ta’ paċi iżda qatta’ l-aħħar ġimgħatejn jagħmel żjarat f’Kiev, Moska, l-Ażerbajġan, Beijing, Washington u anke Mar-a-Lago, f’missjoni ta’ bniedem wieħed li irrabja lill-mexxejja fl-UE u fl-Istati Uniti.

“Il-paċi mhux se tiġi waħedha fil-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, u xi ħadd irid jagħmel dan” ipproklama Victor Orban f’filmati li jittella’ kuljum fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.

Huwa ġie attakkat bl-aħrax kemm minn Brussell kif ukoll minn Washington talli kiser l-għaqda tal-Unjoni Ewropea u tan-NATO u li tpaxxa jiltaqa’ ma’ Vladimir Putin u l-mexxej taċ-Ċna Xi Jinping.
Ftit jargumentaw mal-premessa ċentrali tiegħu, li ma jistax ikun hemm paċi mingħajr dawk li jġibu l-paċi. Iżda r-relazzjoni ekonomika mill-qrib tiegħu mal-president tar-Russja tesponieħ għall-akkuża li jaġixxi bħala l-pupazz ta’ Putin.

Sport