Saturday, December 28, 2024

Aktar drittijiet biex kulħadd ikollu postu fis-soċjetà

- Il-Parlament jiddibatti l-liġi li tirrikonoxxi persuni ‘non-binary’

Aqra wkoll

“Bl-emendi li ressaqt quddiem il-Parlament qed nagħmlu pass ieħor sabiex kulħadd ikun stmat l-istess f’għajnejn il-liġi.” Iddikjarat dan is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg f’kummenti li għamlet dwar l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tal-Ġeneru li permezz tiegħu qed ikun assigurat li l-atti ċivili kollha ma jibqgħux jiddiskriminaw kontra individwi li la jidentifikaw ma’ ġeneru u lanqas ma’ ieħor.

Sadanittant, fid-dibattitu parlamentari tat-Tlieta, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg spjegat li fl-2017 kienu bdew it-triq lejn din ir-riforma meta kien introdott il-kunċett, li diġà jeżisti f’ħafna pajjiżi oħra, sabiex individwi li ma jidentifikawx ruħhom bħala raġel jew mara (maskili jew femminili) ikunu jistgħu jimmarkaw “X” minflok “M” jew “F” fuq applikazzjonijiet uffiċjali bħal passaporti jew il-karta tal-identità. Qalet li għalkemm din tidher xi ħaġa żgħira għal xi wħud, meta wieħed jirrifletti sew fuqha u jifhem is-sensittività ta’ din il-komunità jinduna kemm din ir-riforma kienet importanti. 

“Rajna li ma kellniex nieqfu nofs triq. Jekk tassew irridu li l-liġijiet, l-istrutturi u l-istituzzjonijiet jirriflettu l-istat u d-drittijiet ċivili ta’ kull individwu bid-dinjità kollha tiegħu din l-emenda li qed nippreżentaw hi kruċjali sabiex nikkonsolidaw fil-liġi l-ewwel passi li saru f’dan l-aspett lura fl-2017,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg. “Huwa fid-dmir tagħna li nkomplu mmexxu ‘l quddiem aktar drittijiet sabiex nassiguraw li kulħadd ikollu postu fis-soċjetà tagħna. Ma naqblux ma’ min jagħmel l-argument li qed nagħmlu dan biex nakkomodaw xi minoranza jew biex sempliċi nidhru progressivi u ħelwin. Aħna Gvern li nemmnu fir-rispett tad-dinjità sħiħa ta’ kull individwu sew jekk ikun f’maġġoranza u anke jekk ikun f’minoranza.”

Tenniet li b’dawn l-emendi li qed iressqu għall-approvazzjoni tal-Kamra se jassiguraw li l-qafas legali li jirregola l-atti ċivili kollha m’għandux jibqa’ jiddiskrimina kontra individwi li bl-identità tal-ġeneru, il-karatteristiċi tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru tagħhom la jidentifikaw ma’ ġeneru u lanqas ma’ ieħor. “Se nsewwu inġustizzja għaliex sal-lum individwi non-binary ma kellhomx mezz biex l-istatus tal-identità tal-ġeneru tagħhom ikun rifless fl-atti uffiċjali fosthom fiċ-ċertifikat tat-twelid.”

Is-Segertarju Parlamentari Buttigieg qalet ukoll li dawn l-emendi huma frott ta’ konsultazzjoni u l-esperjenzi ta’ persuni kemm fil-professjonijiet u x-xogħlijiet relatati kif ukoll mal-individwi affettwati. 

Min-naħa tagħha, id-Deputata Nazzjonalista Graziella Attard Previ qalet li l-Oppożizzjoni taqbel ma’ dan l-Abbozz ta’ Liġi. Madankollu, hija saħqet li rridu nirrikonoxxu li jaf hawn nies li għadhom ma jafux x’inhi li persuna tkun “non-binary”. 

Filwaqt li nnotat kif f’pajjiżna għaddew diversi liġijiet favur persuni b’orjentazzjonijiet sesswali u ġeneri differenti, Attard Previ sostniet ukoll li għad hawn ħafna nies li jaħbu u jiddejqu jistqarru kif verament iħossuhom. 

Ekonomija

Sport