Tuesday, December 24, 2024

Aktar dwar l-espert Irlandiż fl-inkjesta Vitals … akkużat li mexxa kampanja ta’ persekuzzjoni kontra politiċi ewlenin fil-Guyana

Aqra wkoll

Meta fl-2017 kien qiegħed jagħmel xogħol investigattiv fil-Guyana fl-Amerika ta’ Isfel, Dr Sam Sittlington, l-espert Irlandiż li tqabbad mill-Maġistrat Gabriella Vella fl-inkjesta Vitals, kien akkużat li mexxa kampanja ta’ persekuzzjoni kontra politiċi ewlenin fil-pajjiż.

Sittlington għamel 14-il ġimgħa jaħdem fil-Guyana fl-2017 mal-iSpecial Organized Crime Unit (SOCU) fuq il-każ imsejjaħ Pradoville 2. Bħala parti minn dan il-każ kienu arrestati bosta uffiċjali ewlenin tal-partit fl-oppozizzjoni, il-Partit Popolari Progressiv. Fost dawk arrestati kienu hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-eks Kap tas-Segretarjat Presidenzjali u l-eks Ministru tad-Djar u l-Ilma.

L-espert Irlandiż kien ġibed fuqu kritika qawwija ħafna meta ftit jiem wara dawn l-arresti, kien żvelat li, flimkien mal-Ministru tas-Sigurtà Pubblika tal-Guyana u uffiċjali għolja tas-SOCU, inkluż id-Direttur Sydney James, kienu marru jixorbu l-inbid flimkien f’post tad-divertiment f’dik li kienet deskritta bħala “atmosfera ta’ ċelebrazzjoni”. Sussegwentement il-Kap tal-Oppożizzjoni kien talab biex tinfetaħ investigazzjoni dwar dawn iċ-“ċelebrazzjonijiet” u akkuża lil Sittlington li mexxa kampanja ta’ persekuzzjoni kontra politiċi tal-partit fl-Oppożizzjoni. 

Il-Partit Popolari Progressiv kienet saħaq li Sittlington kien qed imur lil hinn mir-rwol konsultattiv tiegħu u kien qed jieħu funzjonijiet eżekuttivi, billi kien qiegħed imexxi operazzjonijiet bħal rejds u arresti. Fost oħrajn Dr Sittlington kien mar fl-uffiċċu ta’ Jagdeo nnifsu f’Marzu 2018 biex jeskortah lejn l-uffiċini tas-SOCU u wara interrogah. 

Minkejja l-oġġezzjonijiet tal-Oppożizzjoni, l-espert Irlandiż irritorna f’Guyana f’Jannar 2018 bħala konsulent tas-SOCU. Huwa kien ingħata dan l-inkarigu mill-gvern tar-Renju Unit. Dan l-inkarigu kellu jdum sa Marzu 2020. Il-kuntratt ta’ Sittlington mal-Gvern tar-Renju Unit kien jistipula li fil-Guyana huwa kellu jaħdem biss bħala konsulent tas-SOCU.

Madankollu Sittlington irreġistra fil-Guyana fergħa lokali ta’ kumpanija privata tiegħu li topera fir-Renju Unit, u semmieha The Fraud Company (Guyana) Inc.. L-indirizz użat minn Sittlington għal din il-kumpanija kien dak ta’ Lot 28 George Avenue, Lamaha Springs, Georgetown. Il-media f’Guyana kienet żvelat illi dan l-indirizz kien tar-residenza tad-Direttur tas-SOCU Sydney James. Meta James kien mistoqsi mill-gazzetti dwar dan, huwa kien wieġeb illi assolutament ma kienx jaf li Sittlington kien uża l-indirizz tiegħu mingħajr ma informah u żied li kien se jieħu parir legali biex iħares l-interessi tiegħu.

The Fraud Company (Guyana) Inc. ġiet inkorporata taħt l-Att dwar il-Kumpaniji tal-Guyana fil-25 ta’ Settembru 2018. Sittlington kienet elenkat bħala d-Direttur, filwaqt li Orisa Branche kienet is-Segretarja. Meta din l-informazzjoini saret pubblika, l-espert Irlandiż ġie akkużat b’nuqqas ta’ etika u b’kunflitt ta’ interess. Il-media f’Guyana kienet qalet illi ma kienx accettabli li waqt li kien tqabbad bħala konsulent biex jagħti pariri lil dipartiment sensittiv bħal SOCU, Sittlington spiċċa waqqaf kumpanija privata, li kienet se twettaq xogħol simili għal dak li kien diġà qed jithallas għalih mill-gvern tar-Renju Unit.

F’numru ta’ gazzetti tal-Guyana intqal li Sittlington kellu informazzjoni kunfidenzjali ħafna dwar bosta persuni u tqajjmu dubji serji li din l-informazzjoni setgħet tintuża b’mod mhux xieraq. L-akkuża kienet li Sittlington seta’ juża l-informazzjoni li jiġbor permezz tas-SOCU biex javvanza ‘l quddiem in-negozju privat tiegħu u jagħmel qliegh li ma kellux dritt għalih. Riżultat tad-deċiżjoni tal-espert Irlandiż li jwaqqaf kumpanija privata tieghu, tqajmu anki mistoqsijiet dwar l-integrità tal-każijiet li kienu qed jiġu investigati mis-SOCU.

Il-Kummissjoni Għolja Ingliża fil-Gujana ma kinitx konxja tad-deċiżjoni ta’ Sittlington li jwaqqaf kumpanija privata fil-Guyana qabel ma bdew jigu ppublikata stejjer fil-gazzetti dwar dan.  Il-kuntratt ta’ Dr Sittlington kellu jasal fi tmiemu f’Marzu 2020. Madankollu wara l-istejjer żvelati fil-gazzetti, fil-31 ta’ Jannar 2019 il-Kummissarju Għoli Ingliż fil-Guyana Greg Quinn ħareġ stqarrija fejn iddikjara li “fid-dawl ta’ informazzjoni dwar l-interessi kummerċjali privati ta’ Dr Sam Sittlington il-kuntratt tiegħu fil-Guyana ġie tterminat b’effett immedjat”.

Meta fil-jiem li għaddew kien qiegħed jixhed fil-Qorti bħala parti mill-każ Vitals, Sittlington qal li kienet kumpanija minn Belfast li waqqfitlu l-kuntratt li kellu f’Guyana. Madankollu hekk kif dan il-kuntratt ingħata lilu mill-gvern Ingliż, hekk ukoll twaqqaf mill-istess gvern Ingliż kif kien ġie kkomunikat b’mod uffiċjali mill-Kummissarju Għoli Ingliż f’Jannar 2019.

L-espert Irlandiż xehed ukoll li huwa ma kienx informa lill-Magistrat Gabriella Vella b’dak li kien għadda minnu f’Guyana. Mhux magħruf jekk qabel ma nħatar bħala espert fl-inkjesta Vitals, saritx riċerka minn naħa tal-Qorti f’Malta biex ikun żgurat li Sittlington kien denju għal dan ix-xogħol. 

Fis-seduti tal-Qorti tal-Erbgħa u l-Ħamis tal-ġimgħa li għaddiet, Dr Sittlington kien imwissi għal iktar minn darba, l-ewwel mill-Magistrat Rachel Montebello u wara mill-Magistrat Leonard Caruana, li huwa kien qiegħed jixhed taħt gurament u għalhekk ried jgħid il-verità kollha għaliex jekk le kien hemm kosegwenzi serji, fosthom priġunerija.

L-inkjesta Vitals swiet €11-il miljun.

Ekonomija

Sport