Gvernijiet Laburisti dejjem ħadmu u ġabu ’l quddiem il-prosperità ta’ kulħadd, l-aktar ta’ nies li jkunu f’ċirkostanzi diffiċli, fosthom persuni b’diżabilità, anzjani u romol. Din hija karatteristika li baqgħet għaddejja matul is-snin kull darba li l-Partit Laburista kien fil-Gvern.
Xhieda ta’ dan huma l-għajnuniet li tħabbru f’dawn il-jiem għal aktar minn 300 benefiċjarju ġdid li se jkunu qed jieħdu xi forma ta’ assistenza, wara li ġie mniedi r-raba’ livell ta’ assistenza għal persuni b’diżabilità. B’dan il-benefiċċju, il-Gvern qed jirrikonoxxi aktar nies b’diżabilitajiet fiżiċi jew oħrajn moħbija, li diġà dehru quddiem bord ta’ professjonisti, li ddeċieda dwar l-eleġibiltà tal-każijiet.
Dan il-benefiċċju ġdid, li se jlaħħaq is-somma ta’ madwar €1.3 miljun għal din is-sena, juri b’mod ċar kif pajjiżna u dan il-Gvern iħares lejn il-persuni b’diżabiltà u r-rieda li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. Dan għalhekk ikompli jibni fuq il-ħafna tajjeb li sar u li qed isir f’dan il-qasam.
U hawn ma nistgħux ma nsemmux l-avvanzi li saru fejn jirrigwarda l-qasam tax-xogħol għal persuni b’diżabilità, li wasslu biex illum għandna numru sabiħ ħafna ta’ persuni b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol. Huwa ta’ sodisfazzjon li tara li dawn il-persuni qegħdin jiġu aktar inklużi li tgħinhom ukoll jgħixu b’mod aktar indipendenti.
Bħala soċjetà għandna wkoll l-obbligu li nirrikonoxxu l-kontribut li dawn il-persuni jagħtu lill-ekonomija bil-ħidma tagħhom. Huwa għalhekk kruċjali li jissokta l-investiment biex naraw aktar persuni b’diżabilità jużaw il-ħiliet tagħhom biex jaqilgħu għajxien li jkun wieħed ġust.
Minbarra dan kollu, l-empatija ma’ dawk fil-bżonn hi riflessa wkoll f’każi fejn minkejja li ma jkunx hemm ħafna persuni li jbatu minn ċirkostanzi partikolari b’danakollu, il-Gvern kien intervjena biex jassisti fejn kien hemm bżonn. Dan fil-kuntest li l-Gvern jirrikonoxxi d-diversi realtajiet li jeżistu, f’setturi differenti tas-soċjetà.
Aħna konvinti li l-Gvern se jkompli jinvesti f’politika li tippromwovi l-inklużjoni, issaħħaħ l-iskemi t’appoġġ eżistenti filwaqt li tikkollabora man-negozji biex trawwem postijiet tax-xogħol li huma aċċettabbli, flessibbli u li jilqgħu lil kulħadd.

