Il-BCA flimkien mal-OHSA, CPD, l-Accident and Emergency Unit tal-isptar Mater Dei u l-Pulizija qed iwettqu proċess ikkoordinat ta’ twaqqih ta’ proprjeta terza, u dan biex tkun ikkontrollata u mminimizzata l-ħsara lit-terzi u l-madwar. Dan il-proċess qed isir wara li ntemm il-pjan ta’ evakwazzjoni kif indikat fl-aġġornament preċedenti.
Il-Helpline ta’ emerġenza ddedikata għal dawk affettwati huwa: 99097867.
Aktar kmieni: Aktar evakwazzjoni għall-proprjetajiet f’Paceville
L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà tax-Xogħol (OHSA) komplew issegwu mill-qrib is-sitwazzjoni wara l-inċident li seħħ fi Triq Paceville, San Ġiljan, fejn bini biswit sit ta’ twaqqigħ waqa’.
Bħala parti mill-impenn kontinwu tagħhom lejn is-sigurtà pubblika, il-BCA u l-OHSA qed jieħdu passi ulterjuri biex jiżguraw s-sigurtà tar-residenti fil-propjetajiet ġirien. F’dan ir-rigward, u b’koordinazzjoni mal-Pulizija, mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) u l-Accident and Emergency Unit tal-isptar Mater Dei qed jitwettaq eżerċizzju ta’ evakwazzjoni għall-proprjetajiet addizzjonali fil-perimetru affettwat, u tiġi offruta akkomodazzjoni alternattiva temporanja.
Il-BCA u l-OHSA se jkomplu jkunu preżenti fuq is-sit u se jkomplu jipprovdu l-assistenza kollha meħtieġa lill-persuni milquta minn dan l-inċident. L-Awtoritajiet jibqgħu kommessi li jappoġġjaw lir-residenti u li jassiguraw li l-miżuri kollha ta’ sigurtà jiġu osservati.
Il-Helpline ta’ emerġenza ddedikata għal dawk affettwati huwa: 99097867.
Se jingħataw aktar aġġornamenti hekk kif is-sitwazzjoni tkompli tiżviluppa u hekk kif il-proċess ta’ investigazzjoni jibqa’ għaddej.