Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali tagħti dehra ġdida liċ-ChildWebAlert u faċilità ta’ aċċess fuq il-mowbajl
Minn Carmen Cachia
Il-pjattaforma nazzjonali biex isiru rapporti ta’ materjal b’abbuż sesswali fuq it-tfal, iċ-ChildWebAlert, għadha kemm ingħatat dehra ġdida u mgħammra b’faċilitajiet ġodda fosthom dik b’aċċess fuq il-mowbajls. Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), filwaqt li saħqet li materjal ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal huwa llegali f’Malta, bi pjaċir ħabbret li dan il-pass se jwassal għal proċess aktar faċli u effettiv li bih wieħed jista’ jirrapporta dan it-tip ta’ att kriminali fil-konfront ta’ minuri.
Tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, li qal li, “iċ-ChildWebAlert hija inizjattiva tal-Unjoni Ewropea li taqa’ fil-policy ta’ Internet sigur li aħna ilna nipparteċipaw fiha għal diversi snin. L-intenzjoni hija li l-Internet ikun sigur għal min jużah speċjalment tfal u żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena li huma suxxettibbli għal kull forma ta’ abbuż. Din tinkwadra fil-wegħdiet tal-manifest elettorali fejn hemm imsemmi li l-Gvern huwa impenjat li l-Internet ikun sigur u li jiżdiedu l-pieni għal min jabbuża minnu, speċjalment dawk li fost l-oħrajn jabbużaw mill-Internet fil-konfront ta’ żgħażagħ u minuri permezz ta’ cyber stalking u s-cyber bulling”.
Il-hotline nazzjonali kontra l-abbuż sesswali fuq tfal investiet u aġġornat is-sit www.childwebalert.gov.mt bil-għan li aktar nies jagħmlu d-dover tagħhom b’mod anonimu u kunfidenzjali li jirrapportaw każijiet fejn hemm ritratti u/jew materjal indiċenti ta’ minuri.
Il-fenomenu tat-tixrid ta’ materjal b’abbużi sesswali fuq it-tfal qiegħed dejjem jiżdied madwar id-dinja kollha. Ta’ kull sena huwa stmat li miljuni ta’ ritratti u vidjows illegali jixxerdu f’networks, forum online jew jittellgħu fuq siti pornografiċi.
Il-Gvern huwa impenjat li l-Internet ikun sigur u li jiżdiedu l-pieni għal min jabbuża minnu
Alfred Grixti, Kap Eżekuttiv tal-FSWS
Materjal abbużiv normalment juri tfal innoċenti mġiegħla joqogħdu f’pożizzjonjiet sesswali jew jagħmlu atti sesswali fuqhom infushom jew ma’ persuni oħra. Dawn l-atti huma meqjusa bħala pornografija tat-tfal li l-iskop tagħhom huwa li jkun hemm abbuż fuq tfal u minuri innoċenti li jisfgħu vittmi ta’ grooming, peer pressure u diffikultajiet finanzjarji. Ladarba l-materjal jitla’ online huwa diffiċli mmens biex jitneħħa jew jitħassar, bil-konsegwenza li l-vittmi jibqgħu jsofru tul ħajjithom kollha.
Fir-responsabbiltà tagħna li nirrapportaw
Iċ-ChildWebAlert topera fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u taħdem id f’id mas-Cybercrime lokali. Barra minnhekk din tikkollabora ma’ “InHope”, network internazzjonali b’46 linji tat-telefon 24/7 imqassma mad-dinja kollha li flimkien mal-Europol u l-Interpol ineħħu materjal ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal, isibu l-vittmi u jieħdu passi legali kontra min ikun wettaq dawn l-atti kriminali.
Filwaqt li huwa llegali li persuna tfittex online materjal ta’ dan it-tip, dawk li jkunu jafu b’attivitajiet illeċiti bħal dawn għandhom id-dover li jipproteġu lit-tfal billi jirrapportaw b’mod anonimu fuq is-sit ChildWebAlert.
Ladarba persuna tidħol fil-paġna taċ-ChildWebAlert, din tista’ faċilment tirrapporta billi tagħfas il-buttuna “Report Online Abuse”, timla’ l-formola u tikkopja l-link tar-ritratt, vidjow jew website li tkun qiegħda turi materjal indiċenti fil-kaxxa immarkata “Link to Website with Offending Content”. B’dan il-mod l-analisti jsibu, jaċċessaw u javżaw lill-awtoritajiet relevanti bl-abbuż.
Huwa proprju għalhekk li t-tim taċ-ChildWebAlert qiegħed iħeġġeġ lill-pubbliku biex ixerdu l-kelma mal-qraba u l-ħbieb bil-għan li flimkien nipproteġu lit-tfal innoċenti li jisfaw vittmi ta’ dan it-tip ta’ abbuż sesswali.
L-appell tagħhom huwa li wieħed jieħu din ir-responsabbiltà billi jirrapporta minnufih fuq is-sit: www.childwebalert.gov.mt. Għamlu l-parti tagħkom.