Tuesday, December 24, 2024

AKTAR FTEHIMIET FAVUR IL-ĦADDIEMA

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union kompliet għaddejja bin-negozjati biex tikkonkludi diversi ftehimiet kollettivi f’setturi varji tal-ekonomija. Dan rajnih ukoll fl-aħħar ġimgħat permezz tal-ftehim li ġie ffirmat mal-aġenzija LESA, li permezz tiegħu se jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ dawn l-uffiċjali tal-komunità. 

Għalkemm in-negozjati wara dan il-ftehim kienu twal, nemmnu li l-aġenda kienet waħda ġenwina bejn il-partijiet kollha involuti. Nemmnu wkoll li b’dan il-ftehim se jkunu qed ikomplu jinħolqu aktar karrieri f’dan il-qasam. 

Barra minn hekk, jirrifletti wkoll ir-responsabbiltà li dawn il-ħaddiema għandhom u kif ukoll dak li huwa mistenni minnhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Konxji li l-ħidma tagħhom mhix waħda faċli u għalhekk dan il-ftehim kollettiv jaħseb li jinħoloq bilanċ bejn l-obbligi li għandhom dawn il-ħaddiema u l-kundizzjonijiet li jixirqilhom. 

Fl-isfond ta’ dan kollu, ma nistgħux ma nsemmux l-ewwel ftehim kollettiv ġdid fi kważi 30 sena li ġie ffirmat għall-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Ftehim li kien iffirmat ukoll bejn il-Gvern u l-General Workers’ Union.

B’dan il-ftehim, ingħalaq ċiklu storiku ta’ drittijiet ġodda lill-Korpi Dixxiplinati, wara li fl-aħħar xhur ġew iffirmati ftehimiet oħra għall-uffiċjali tal-Pulizija, il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u dawk tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. 

Dan kien pass mill-aktar pożittiv għal dawn il-ħaddiema li għal ħafna snin lanqas dritt li jissieħbu f’unjin ma kellhom. Ma hemm l-ebda dubju li dan il-ftehim kollettiv se jtejjeb l-effiċjenza tal-ħaddiema li huma kruċjali fis-servizz li jagħtu lill-poplu Malti u Għawdxi.

Il-ftehim ta wkoll lil dawn il-ħaddiema drittijiet ġodda bħalma ħadu fuq l-istess livell ta’ Korpi Dixxiplinati kollha. Dan is-suċċess seta’ jinkiseb għax kien hemm ir-rieda u l-intenzjoni tajba tal-partijiet kollha involuti u wara numru ta’ diskussjonijiet li saru mal-ħaddiema u l-unions li jirrappreżentawhom.

Nemmnu li dawn il-ftehimiet se jagħtu sens ta’ inkoraġġiment fil-ħaddiema biex ikomplu jservu lill-pajjiż tagħna. Fl-istess waqt, taw ukoll sens ta’ kburija li ħaddiema jkunu ngaġġati f’Korp Dixxiplinat u dawk li jkunu responsabbli mill-ordni fit-toroq tagħna. Inħarsu ‘l quddiem għal aktar ħidma sfiqa min-naħa tagħhom.

Ekonomija

Sport