Il-General Workers’ Union, permezz tat-Taqsima Ospitalità u Ikel, fl-aħħar ġimgħat iffirmat żewġ ftehimiet kollettivi oħra li se jsarrfu f’titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema ta’ Simonds Farsons Cisk Plc u Farsons Beverage Imports Company Ltd. Minkejja li l-ftehim ikopri t-tliet snin li ġejjin, il-parti l-kbira ta’ dawn il-ħaddiema diġà bdew jibbenefikaw minn dawn iż-żidiet.
F’kummenti ma’ dan il-ġurnal is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kenny Muscat stqarr li d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat kienu pożittivi u mexxejja li wasslu biex jiġu ffirmati dawn il-ftehimiet kollettivi li qed jitqiesu bħala fost l-aħjar li kellhom il-ħaddiema għal dawn l-aħħar snin. “L-għan kien li nżidu s-sostenibbiltà, inżommu l-ħaddiema attwali u jiġu attirati impjegati oħra f’dan is-settur,” stqarr Muscat. “Turija ta’ kemm il-kumpanija qiegħda tinvesti fil-ħaddiema tagħha u biex tkompli ssaħħaħ ir-riżorsi tagħha.”
Għall-kumpanija Simonds Farsons Cisk Plc iffirmaw Louis A. Farrugia – Chairman Group Executive Board, Norman Aquilina – Group Chief Executive, Antoinette Caruana – Group HR Manager u Tonio Mifsud Bonnici – HR Services Manager. F’isem il-GWU ffirmaw is-Segretarju Kenny Muscat, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima Gabriel Pullicino u s-Shop Stewards Neil Lofaro, Creston Grech, Joseph Mifsud u Neville Montanaro.
Għal Farsons Beverage Imports Company Ltd. iffirmaw Norman Aquilina – Group Chief Executive, Antoinette Caruana – Group HR Manager, Pierre Stafrace – General Manager u Tonio Mifsud Bonnici – HR Services Manager. F’isem il-GWU ffirmaw is-Segretarju Kenny Muscat, l-Ass. Segretarju Gabriel Pullicino u s-Shop Steward Joseph Frendo.