Wednesday, August 13, 2025

Aktar għajnuna lill-bdiewa – Imnedija skema ta’ għajnuna għall-ilma tat-tisqija

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nieda skema ta’ għajnuna għall-bdiewa bħala kumpens għall-ispejjeż relatati max-xiri tal-ilma tat-tisqija matul ix-xhur tas-sajf. Din l-iskema għandha allokazzjoni ta’ €700,000 minn fondi nazzjonali.

Huwa spjega li l-ilma hu wieħed mill-akbar sfidi għall-agrikoltura f’Malta, speċjalment minħabba l-bidla fil-klima. “Għal ħafna bdiewa, l-unika soluzzjoni tibqa’ li jixtru ilma b’bowsers b’nefqa kbira, speċjalment fix-xhur tas-sajf. Din l-iskema hija miżura prattika u mmirata biex tnaqqas il-piż fuq il-bdiewa u żżomm il-biedja tagħna b’saħħitha u sostenibbli,” sostna l-ministru.

Biex japplikaw, il-bdiewa jridu:

  1. Ikunu reġistrati bħala bdiewa attivi mal-Aġenzija tal-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA).
  2. Ikunu jikklassifikaw bħala Kategorija 2 jew ogħla.
  3. Ikunu benefiċjarji tal-iskema ‘Areas with Natural Constraints (ANC)’ matul l-2024.
  4. Jagħmlu użu tal-ilma tat-tisqija fuq ir-raba’ saqwi tagħhom permezz ta’ ilma mixtri minn bowsers.
  5. Ikunu xtraw provvista tal-ilma ekwivalenti għall-minimu rikjest għal kull kategorija, bejn l-1 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru 2025, kif muri fil-linji gwida.

L-applikanti jridu wkoll jippreżentaw pjan tal-uċuħ tar-raba’ għall-perjodu tas-sajf u jżommu l-irċevuti fiskali mingħand fornituri tal-ilma liċenzjati mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) li juru l-volum ta’ ilma mixtri. Waqt l-istadju t’applikazzjoni m’hemmx bżonn li jiġu ppreżentati rċevuti. Wara li jgħaddi s-sajf u tinħareġ il-lista tal-applikanti eliġibbli, l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) se titlob li jiġu ppreżentati dawn l-irċevuti.

L-applikazzjonijiet se jkunu miftuħa mit-12 ta’ Awwissu sas-26 ta’ Settembru 2025. Il-bdiewa interessati jistgħu japplikaw billi jżuru l-Uffiċini tal-ARPA fil-Pitkalija jew ir-Razzett Sperimentali tax-Xewkija f’Għawdex. L-applikazzjonijiet jridu jaslu qabel l-iskadenza. Iktar dettalji jinsabu fil-linji gwida dettaljati fuq is-sit arpa.gov.mt.

Għal aktar informazzjoni, il-bdiewa jistgħu jikkuntattjaw lill-ARPA fuq 22926148 jew jibagħtu email fuq [email protected].

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport