Friday, December 27, 2024

AKTAR GĦAJNUNA LILL-KLASSI MEDJA

Aqra wkoll

Hekk kif is-sajf kulma jmur qiegħed joqrob lejn tmiemu, tibda tirranka sew il-ħidma għal meta fil-ġimgħat li ġejjin jitħabbar il-budget għas-sena d-dieħla. Dan minnu nnifsu huwa proċess li jirrikjedi bosta diskussjonijiet ministerjali iżda wkoll mal-imsieħba soċjali u stakeholders oħra ewlenin l-iktar dawk fis-settur ekonomiku.

Għandna għax nifhmu li l-qofol tal-miżuri li se jitħabbru fil-budget li se jinqara fil-Parlament f’Ottubru li ġej diġà ġew deċiżi. Dan kien ukoll ikkonfermat mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana nnifsu li f’intervista li saritlu dan l-aħħar irrimarka li hemm ammont sostanzjali ta’ miżuri li saru bosta laqgħat dwarhom jew li ġew deċiżi.

Miżuri li bla dubju, bħal snin oħra, se jkunu ta’ sostenn għal faxex varji tas-soċjetà. Mhux b’inqas lill-klassi medja, fejn anke f’dan ir-rigward l-għajnuna se tkun waħda sostanzjali. Tant hu hekk, li kif ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela f’dawn il-jiem, fil-budget li jmiss se naraw l-akbar tnaqqis fit-taxxa għall-middle class li qatt rajna fl-istorja ta’ pajjiżna.

Dan kollu huwa konferma oħra ta’ kemm il-Gvern qed jisma’ x’għandhom xi jgħidu n-nies u jkompli jtejjeb il-livell tal-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dan apparti l-miżuri l-oħra ta’ sostenn li għadhom qed jingħataw bis-sussidju fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils u bl-iskema tal-istabbilità fil-prezzijiet tal-ikel li qed twassal għat-tnaqqis fir-rata ta’ inflazzjoni.

Fuq kollox dan huwa xhieda ta’ kemm dan se jerġa’ jkun budget ieħor soċjalment b’saħħtu. It-tielet wieħed minn ħamsa għal din il-leġiżlatura. Budget li bħal ta’ qablu, mhu se jpoġġi ebda piżijiet fuq in-nies. Anzi, jaħseb biex jagħti akar għajnuniet u jwieżen lil dawk li l-aktar għandhom bżonn. Budget li jkompli jwitti t-triq sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-lum u tal-ġejjieni għal Malta u Għawdex aħjar.

Ekonomija

Sport