Sunday, May 5, 2024

AKTAR GĦARFIEN B’KAMPANJI DWAR IL-KANNABIS

Aqra wkoll

L-użu responsabbli tal-kannabis reġa’ tela’ fuq l-aġenda nazzjonali permezz ta’ kampanji ta’ tagħrif biex il-pubbliku jkun mgħarraf sew dwar x’tgħid il-liġi u l-irwol tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) f’dan il-qasam. 

Bis-saħħa tal-ftehim li sar bejn l-ARUC u s-Sedqa bħala aġenzija tal-prevenzjoni tal-vizzji żiedet ir-riżorsi tagħha u anke wasslet tagħmel kampanji fl-iskejjel u fil-komunità. B’hekk setgħu jintlaħqu aktar minn 12,000 student/a.

L-Aġenzija Sedqa rnexxielha toffri wkoll servizz edukattiv lil aktar minn 50 kumpanija u entità f’Malta u f’Għawdex, sabiex titnaqqas kemm jista’ jkun il-ħsara mill-użu tal-kannabis. 

Aħna konna lqajna b’sodisfazzjon it-twaqqif tal-ARUC xhur ilu. Dan kien fis-sens illi ladarba kien hawn min juża l-kannabis, permezz tal-Awtorità f’pajjiżna hawn suq regolat u mhux abbużiv, l-aktar f’dik li hija kwalità tal-kannabis. B’hekk qed jiġi assigurat illi dawk li jużaw il-kannabis, anke għal skop ta’ rikreazzjoni, ikunu qed jingħataw prodott mhux imbagħbas jew imħallat. 

L-iskop ta’ din ir-riforma fuq kollox jibqa’ li jbiegħed kemm jista’ jkun lil min diġà qiegħed jikkonsma l-kannabis mis-suq illegali tad-drogi minħabba l-perikli kbar għas-saħħa li dan iġib miegħu fosthom il-kannabis sintetika u kontaminata li titmexxa miċ-ċrieki tal-kriminalità organizzata. 

B’hekk għandna għax nifhmu li qed jintlaħqu mill-inqas żewġ għanijiet – dik li l-prodott tal-kannabis ikun ġenwin u kif ukoll li titnaqqas kemm jista’ jkun il-kriminalità organizzata fit-traffikar tad-droga. 

Tajjeb ninnutaw ukoll illi l-membri li daħlu fl-assoċjazzjonijiet tal-kannabis, li tlieta minnhom diġà qed joperaw b’250 membru f’kull assoċjazzjoni, huma diġà persuni li ilhom jikkonsmaw il-kannabis. Dan ifisser li mill-introduzzjoni tal-Awtorità lil hawn ma kien hemm l-ebda persuna li ssieħbet f’dawn l-assoċjazzjonijiet u li qabel ma kinitx tuża l-kannabis.

Dawn il-fatti jxejnu kull kritika artifiċjali li saret illi l-introduzzjoni tal-użu responsabbli tal-kannabis kien se jżid u mhux inaqqas fl-ammont ta’ nies li jaqgħu għall-vizzju u l-abbuż mid-droga. B’sodisfazzjon ninnutaw illi dan ma seħħx. 

Sport