Ninsabu fix-xahar ta’ Ottubru. Xahar li huwa kkaratterizzat minn numru ta’ kampanji ta’ għarfien dwar il-kanċer tas-sider, bil-messaġġ jibqa’ dak li iżjed persuni jiċċekkjaw lilhom infushom, irrispettivament mill-età jew is-sess tal-persuna.
Il-kampanja ewlenija ta’ din is-sena hi ispirata mill-idea li timxi fit-triq tiegħek hekk kif il-pubbliku huwa mħeġġeġ jimxi l-passaġġ tiegħu u jkun attent għal tibdiliet. Minbarra l-aspett informattiv u li titqanqal kuxjenza fuq dan is-suġġett, l-enfasi din is-sena se tkompli tkun fuq proġett li l-Fondazzjoni Marigold imbarkat fuqu f’dawn l-aħħar snin, dak ta’ għajnuna fil-komunità.
Din il-kampanja qed tkun estiża wkoll anke għax-xahar ta’ Novembru biex tinkludi fiha wkoll għarfien dwar tipi oħra ta’ kanċer bħall-kanċer tal-prostata u tat-testikoli fl-irġiel. Għalhekk, minn dawn il-kolonni ma nistgħux ma nfaħħrux kampanji ta’ din ix-xorta li jiffokaw ħafna fuq l-aspett li wieħed jieħu ħsieb saħħtu u anke jiċċekkja lilu nnifsu.
Dan huwa rifless ukoll mill-esperjenzi ta’ nies li għaddew minn dan il-proċess li għalkemm kien wieħed diffiċli ħafna għalihom, sabu l-kuraġġ li jersqu ’l quddiem u jagħmlu t-testijiet. Waħda minn dawn l-esperjenzi hi dik ta’ Mariska Vella, li qiegħda tiġi ppubblikata fil-ħarġa tal-lum ta’ dan il-ġurnal. Mara li minkejja dak kollu li kienet għaddejja minnu, uriet reżiljenza u determinazzjoni kbira li wassluha biex tiġġieled il-marda li kienet qed tiffaċċja. Illum, Mariska tibqa’ tappoġġja lil ħafna persuni li qegħdin jgħaddu mill-istess sitwazzjoni. Bil-kelma tagħha, bil-preżenza tagħha u bil-mod kif għexet il-vjaġġ diffiċli tagħha, hija żgur kisbet post ta’ rispett fil-komunità.
F’dan il-kuntest kollu, irridu nfakkru wkoll fl-avvanzi li għamel pajjiżna f’dik li hija kura tal-mard wasslu biex illum għandna sistema li biha nistgħu naqbdu każi ta’ kanċer mill-bidu. Nafu li meta dawn il-każijiet jinqabdu kmieni, iċ-ċansijiet tal-kura u l-fejqan ikunu ħafna akbar.
L-istatistika qiegħda turi li fl-aħħar snin, ir-rata ta’ kura f’Malta dwar il-kanċer tas-sider kienet fost l-aqwa fl-Ewropa. Dan juri biċ-ċar li s-sistemi tas-saħħa f’pajjiżna huma sistemi robusti li qed iħallu riżultati, u riżultati tajbin. Is-servizzi tant qed jitjiebu li l-istatistika, fost fatturi oħra, qed turi li aktar persuni qed jirrikorru u jagħmlu użu mis-servizz tal-iscreening.
Għalhekk, għalkemm saru u għadhom isiru diversi kampanji ta’ għarfien, jeħtieġ li dawn il-kampanji jkomplu jiġu intensifikati sabiex titrawwem il-kultura li wieħed jiċċekkja lilu nnifsu regolarment.